Nistgħu biss nirbħu l-appoġġ tar-residenti fil-lokalitajiet fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli ta’ Mejju 2019 jekk nagħrfu naħdmu flimkien u nħabbtu bieb bieb.
Hekk appella l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista, fil-preżenza ta’ attendenza numeruża ta’ Kunsilliera Lokali tal-Partit.
Adrian Delia qal li taħt it-tmexxija politika tiegħu, il-Partit iwiegħed li jkun aktar viċin il-Kunsilliera Lokali fil-ħidma tagħhom u jisma’ aktar il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom fil-lokalitajiet.
Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jemmen fl-identità ta’ kull lokalità biex ir-residenti jkunu kburin b’dak li jgħixu fih, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia appella lill-Kunsilliera Lokali u l-Kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista biex jekk iridu jagħmlu d-differenza, din għandhom jagħmluha mill-qalb, fost l-oħrajn billi jitkattar dejjem aktar il-ħsieb li rridu nagħmlu l-ġid.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għalaq billi ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikomplu jżommu l-akbar kuntatt possibbli mal-Partit. Ħeġġiġhom biex ma jieqfux jippruvaw iwasslu l-messaġġi u l-ħsibijiet tagħhom ħalli flimkien, nibqgħu nagħmlu d-differenza.
//= $special ?>