Lokali

Il-BOV joffri Self għad-Djar aktar affordabbli – Titħabbar offerta limitata speċjali

Il-Bank of Valletta ħabbar offerta speċjali fuq il-prodotti tiegħu HomeFirst u HomePlus. Din l-offerta, li hija valida sat-30 ta’ Ġunju 2018, tfisser tnaqqis fir-rata tal-imgħax fuq iż-żewġ prodotti ta’ self.

Ir-rata tal-imgħax għall-HomeFirst issa qed titnaqqas għal 3.00% għal ammonti ta’ self sa €350,000. L-istess offerta qed tiġi applikata għall-pakkett tal-HomePlus. F’dan il-każ, meta l-valur tas-self ikun akbar minn €350,000, ir-rata tal-imgħax applikabbli hija ta’ 3.15%.

Meta tkellem dwar din l-inizjattiva, is-Sur Edward Grech, Chief Officer Consumer Finance fil-Bank of Valletta, spjega li, “Din l-offerta speċjali fuq il-prodotti prinċipali tal-Bank tas-Self għad-Djar waslet ftit ġimgħat biss wara li offerta speċjali simili tnediet fuq is-Self Personali tal-BOV. Dawn l-offerti huma xhieda tal-fatt li fil-Bank of Valletta, aħna nfittxu b’mod attiv li niddisinjaw u nimmodifikaw soluzzjonijiet finanzjarji li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi tal-klijenti tagħna fi stadji partikolari tal-ħajja. Din l-offerta speċjali hija b’reazzjoni għall-feedback li rċevejna mis-suq permezz tar-riċerka nwettqu mal-klijenti tagħna fuq bażi regolari.” Is-Sur Grech kompla jispjega li l-prattika attwali tal-Bank ta’ rata tal-imgħax fissa ta’ 1.99% għall-ewwel tnax-il xahar għal self sa €350,000 se tibqa’ valida.

Il-HomeFirst hija indirizzata lejn individwi jew koppji li jkunu qed jieħdu l-ewwel self tagħhom mal-Bank. Għal klijenti li jkunu qed ifittxu self biex jixtru t-tieni dar tagħhom, japplika l-pakkett tal-HomePlus.

Kull min huwa interessat li jsir jaf aktar dwar din l-offerta jista’ jżur il-websajt tal-Bank fuq: www.bov.com, minn fejn ikun juża l-Home Loan Calculator. Alternattivament wieħed jista’ jikkuntattja lill-Customer Service Centre tal-Bank fuq 2131 2020 jew iżur kwalunkwe fergħa tal-BOV.