Il-Fondazzjoni Richmond matul l-2018 qed tfakkar il-25 sena mit-twaqqif bit-tema “għal saħħa mentali aħjar” b’għadd ta’ attivitajiet mifruxin sa Diċembru li ġej li tnedew l-Erbgħa b’attività f’waħda mid-djar fil-komunità li għandha f’ĦAttard . Din il-Fondazzjoni tgħin lill-pazjenti b’mard mentali jirrijabilitaw fil-komunità u toħloq għarfien fuq is-suġġett fost il-poplu Malti u Għawdxi.
Anthony Gullaimier, imprenditur u motivatur fil-qasam tas-saħħa mentali, tkellem fuq minn fejn nibtet l-idea li jwaqqaf il-fondazzjoni:
“Dak iż-żmien konna nimpjegaw ħafna nies u dejjem kont nara ħafna assenteiżmu, billi jibgħatu ċeritfikat li qed ibagħtu b’daharhom iżda fil-fatt kienet tkun xi problema psikoloġika. Dejjem kienet tinteressani kif nista’ ntejjeb il-produttività tal-ħaddiem. Darba kont sejjer l-Ingilterra, u fuq l-ajrpulan rajt ir-riklam tal-Fondazzjoni Richmond. Dak il-ħin ġieni l-ħsieb li mmurr inkellimhom biex nara x’se nagħmel biex intejjeb il-produttività u ma jkunx hemm dak l-assenteiżmu.”
Hemmhekk hu ltaqa’ ma’ Elly Jensen, faktotu tar- Richmond International UK, li għenitu jwelled il-Fondazzjoni Richmond f’Malta flimkien ma’ Louis Galea, Ministru tal-Politika Soċjali bejn l-1987 u l-1996. Ntqal li kiku ma kienx għalih u Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ dak iż-żmien, ma kien ikun hawn xejn fis-saħħa mentali għajr sptar akut u servizz ta’ psikjatra u psikologa. Huwa kien il-Ministru li emmen fil-Fondazzjoni Richmond qabel ma twaqqfet u taha l-ħajja.
“Konna konxji ħafna li l-problemi fil-qasam tas-saħħa mentali ma kinux żgħar u konna qed inbassru li dawn il-problemi jikbru. Kien għalhekk fil-Gvern tajna importanza lil dan is-settur billi l-ewwel fassalna strateġija permezz tad-dokument validu sal-lum li ppubblikajna “Suriet ġodda ta’ wens u sedqa”. Minn hemm bdejna noħolqu nisġa ta’ strutturi: il-patt/ftehim li għamilna mal-Brothers of Charity, organizzazzjoni mill-Belġju li kienu jispeċjalizzaw fis-saħħa mentali, it-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali il-ftuħ ta’ Villa Chelsea, it-twaqqif tal-Fondazzjoni Richmond u diversi affarijiet oħrajn li komplew taħt Gvernijiet sussegwenti.”
Skont statistiċi Ewropej, wieħed minn kull 4 persuni xi darba jew oħra f’ħajtu jgħaddi minn problemi ta’ saħħa mentali u li din l-istatistika bil-mod il-mod miexja lejn il-persuna minn kull 3.
Għalhekk, fost l-isfidi elenkati mill-Fondazzjoni għas-sena anniversarja biex issaħħaħ ħidmietha f’dan il-qasam hemm l-estensjoni tal-binja tal-uffiċju tal-Fondazzjoni, l-introduzzjoni tal-Ewwel Għajnuna tas-Saħħa Mentali għaż-Żgħażagħ, it-twaqqif ta’ programm residenzjali għaż-żgħażagħ u s-servizz ta’ sostenn psikoloġiku, u r-rilokazzjoni tal-programm residenzjali tal-Fondazzjoni għat-tfal miż-Żejtun għall-Ħamrun.
//= $special ?>