Lokali

Il-ġlied intern fil-Partit Laburista jħarbat il-pjani ta’ Muscat

Joseph Muscat nhar il-Ħadd kien kostrett jagħmel stqarrijiet fil-pubbliku biex iberreq l-irjus sħan u jikkalma l-ġlied bejn l-ogħla uffiċjali fit-Tmexxija tal-Partit

Il-ġlied kontinwu fi ħdan il-Partit Laburista bejn l-ogħla esponenti fit-Tmexxija tal-Partit, is-sensiela ta’ leakages li qed ikun hemm dwar oqsma interni sensittivi kif ukoll l-antagoniżmu bejn ċerti rjus kbar fil-Partit wasslu lill-Prim Ministru u Leader Laburista Joseph Muscat biex nhar il-Ħadd li għadda jkun kostrett jirreaġixxi u filwaqt li jgħid li se jibqa’ miexi mal-ħsibijiet tiegħu li jirriżenja mir-rwoli rispettivi tiegħu kif ilu jgħid, madankollu dawk kollha interessati biex jeħdulu posthom għalissa ma għandhomx jgħaġġlu.

Joseph Muscat f’Ħal Qormi nhar il-Ħadd li għadda wera ruħu preokkupat bil-ġlied intern fil-Partit Laburista fejn saħansitra kanvassers ta’ Membri Parlamentari fuq l-istess Distretti Elettorali jispiċċaw jiġu fl-idejn u jitgħajru waqt suppost Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-jiem li għaddew.

Għalkemm  nhar il-Ħadd li għadda ma għamel l-ebda riferenza diretta għall-Programm LEAD tal-Partit Laburista – eżerċizzju bl-iskuża li aktar nisa jidħlu fil-politika iżda li fil-verità twaqqaf biex fil-mument opportun jimbotta lill-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli fit-tellieqa għall-ħatra ta’ Leader tal-Partit – fil-verità wera wkoll li hu skomdu għall-aħħar bl-istejjer li qed ikunu maħruġa internament mill-Partit dwar x’qed jiġri f’ċerti kwartieri.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilu qatigħ jgħid li riesaq lejn it-tmiem tal-okkupazzjoni tiegħu fir-rwoli ta’ Leader tal-Partit u Prim Ministru. Saħansitra nhar il-Ħadd stess iddikjara li hu se jżomm ma’ dak li ilu jwiegħed, iżda kompla li fadallu ħafna xogħol xi jwettaq qabel ma jżarma.

Kien fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi li Joseph Muscat widdeb lil ta’ madwaru biex ma jgħaġġlux jitilqu jiġru fit-tellieqa – li skont hu għadha trid tibda – biex jeħdulu postu.

Is-sorsi fil-Partit Laburista li jitkellemu ma’ In-Nazzjon fakkru li dan id-diskors tal-Prim Ministru jrid jittieħed fix-xenarju reali li l-Prim Ministru hu inkwetat serjament bl-andament ta’ kif qed jiżvolġu l-affarijiet madwaru bi ġlied dirett jew indirett bejn Chris Fearne u ta’ madwaru, kontra Miriam Dalli u ta’ madwarha.

Hu evidenti li fit-tmexxija tal-Partit attwalment hemm mewġa favur Miriam Dalli tant li qed tkompli titmexxa l-kelma li bi Chris Fearne Leader, il-Partit Laburista jerġa’ jintefa’ snin lura għaż-żmien meta kien maħkum minn Duminku Mintoff.

F’temp ta’ sebat ijiem, Joseph Muscat tkellem aperatment darbtejn dwar it-tluq tiegħu minn Prim Ministru u Leader tal-Partit… filwaqt li dawk interessati li jeħdulu posthom qed ikomplu jikkargaw ħalli jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom biex darba tissaffar is-suffara, allura jaħarbu jiġru mill-ewwel.

Għalkemm hemm numru ta’ kontendenti għal din it-tellieqa, jidher ċar li l-ġlieda se tkun bejn il-Ministru Chris Fearne u l-Ewroparlamentari Miriam Dalli. U dak kollu li qed jaħmu minn taħt iż-żewġ gruppi wassal biex Joseph Muscat kellu jirreaġixxi għaliex qiegħed kulma jmur joħroġ aktar evidenti li l-qasma fil-Partit Laburista qed tkompli tfeġġ, u bil-mod il-mod tikber.

Is-sorsi ta’ In-Nazzjon fil-Partit Laburista wissew biex ma jiġix injorat il-fatt li fil-Partit Laburista hemm ukoll it-tħassib li filwaqt li l-Prim Ministru qiegħed inaqqas mill-fiduċja tan-nies, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia bil-mod il-mod qed ikabbar il-fiduċja tiegħu fost l-elettorat.

U dan hu rifless ukoll minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li għadu kemm sar fejn wera biċ-ċar li fl-aħħar ġimgħat Joseph Muscat tilef ħafna mill-appoġġ u l-fiduċja tan-nies, filwaqt li n-nies qed iżżid fil-fiduċja tagħha fil-politika ġdida u friska li biha qed jimmilita Adrian Delia li qed iżomm ma’ dak li wiegħed –li l-politika jibniha wara li jkun sema’ sew il-vuċi tan-nies fit-toroq u l-polz tal-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol, tal-istudenti fl-iskejjel u tal-familji Maltin u Għawdxin.

Hu stat ta’ fatt li filwaqt li Adrian Delia qed jidher frisk u konvinċenti fil-politika li qiegħed iwassal, u dan minkejja li għadu bniedem ġdid fil-politika, Joseph Muscat, li hu veteran fil-politika, qiegħed kulma jmur joħroġ ta’ bniedem li jrid jgħatti l-iskandli u l-korruzzjoni ta’ nies viċin tiegħu u debboli fil-konfront tagħhom għaliex jafu wisq dwaru.

Dan qed joħloq kuntrast qawwi li qed iwassal ukoll biex internament fil-Partit Laburista jkun hemm min jipprova japprofitta ruħu għall-aġenda personali tiegħu, fis-sens li n-nies ta’ Joseph Muscat ma jistgħux ikunu fdati għaliex imċappsa wisq.