Internazzjonali

Jikber l-inkwiet legali għal Netanyahu

Skont rapporti fil-midja Iżraeljana, hemm wieħed mill-eqreb ajjutanti tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu li qed jikkollabora mal-awtoritajiet kontih.
L-ajjutant qed jiġi identifikat bħala Shlomo Filber, u dan lest jixhed il-qorti kontra Netanyahu. Filber hu l-eks-direttur tal-Ministeru tal-Komunikazzjonijiet taħt Netanyahu. Huwa diġà jinsab taħt arrest fuq is-suspett li ffavorixxa xi regolamenti għall-valur ta’ miljuni ta’ ewro, li kienu jaħdmu favur il-kumpanija tat-telekomunikazzjonijiet Bezeq. Dan bi tpattija għal rapurtaġġ favorevoli ta’ Netanyahu.
Ir-rapporti ħarġu ftit wara li ħareġ li ajjutanti ieħor ta’ Netanyahu ipprova jxaħħam Imħallef biex iwaqqa’ każ ta’ korruzzjoni kontra mart Netanyahu. Dan l-ajjutant kien identifikat bħala Nir Hefetz, il-konsulent dwar il-midja ta’ Netanyahu. Hefez ukoll jinsab taħt arrest.
Ix-xhieda ta’ Filber qed titqies bħala importanti peress li sas-sena li għaddiet, il-komunikazzjonijiet kienu r-responsabbiltà ta’ Netanyahu.
L-eks-Chief of Staff ta’ Netanyahu, Ari Harow, ukoll qabel li jixhed kontra l-Prim Ministru Iżraeljan.
Fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi kollha, diversi politiċi Iżraeljani qalu li qed ilestu għall-elezzjoni u li l-era ta’ Netanyahu kienet spiċċat.
Dan kollu seħħ ġranet wara li l-Pulizija ħabbret li kien hemm provi biżżejjed biex Netanyahu jitressaq il-qorti akkużat b’tixħim u frodi f’żewġ każi separati.