Knisja Lokali

“L-Arċisqof Charles Scicluna f’kundizzjoni tajba” – Isirlu intervent mediku fiċ-Ċili

WAQT IL-ĦIDMA FIĊ-ĊILI: L-Arċisqof Scicluna jiddaħħal l-isptar; kellu jsir intervent fuq il-marrara

L-Arċisqof Charles Scicluna jinsab f’kundizzjoni tajba. Dan wara li aktar kmieni ħarġet l-aħbar illi l-Arċisqof Charles Scicluna kellu jiddaħħal l-isptar għal osservazzjoni medika. Il-Kurja fi stqarrija kkonfermat li l-Arċisqof Scicluna ddaħħal l-Isptar f’Santiago fejn qed isirlu intervent fuq il-marrara.

Dan kien kkonfermat ukoll minn sit Ċilen li qiegħed jirrapporta li Mons. Scicluna ssospenda l-laqgħat li għandu mal-vittmi ta’ abbuż.

L-aħbar ingħatat mill-kelliem għall-Konferenza Episkopali Jaime Coiro fejn qal li l-Arċisqof iddaħħal fil-klinika tal-Università Katolika f’San Carlos Apoquindo u aktar tard kienet ikkonfermata f’bulettin mediku maħruġ mill-istess klinika.

Il-kelliem qal li l-Arċisqof ħa l-laqgħat li għandu b’serjetà kbira. Qal li jekk saħħtu tippermetti, se jkompli bil-laqgħat tiegħu nhar il-Ġimgħa.

L-Arcisqof għandu 59 sena, u fil-21 ta’ Marzu jagħlaq tliet snin imexxi l-Knisja f’Malta.

Fil-bulettin mediku maħruġ mill-klinika intqal li l-Arċisqof ta’ Malta kellu jiddaħħal l-isptar ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-9pm wara uġiegħ fl-abdomen. Wara li kien eżaminat minn tim mediku, ittieħdet id-deċiżjoni li kellu jsir intervent fuq il-marrara, u biex din titneħħa.

L-isptar San Carlos De Apoquindo qal li l-Arċisqof Charles Scicluna issa jinsab f’kundizzjoni tajba, qed jirkupra b’mod tajjeb u jista’ jieħu bejn 48 u 72 siegħa biex jerġa’ jiġi f’saħħtu.

Intant kienu bosta dawk li awguraw fejqan ta’ malajr lill-Arċisqof, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Mexxej Laburista Joseph Muscat, kif ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Fi stqarrija anke s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, f’isem il-Partit Nazzjonalista, wassal l-awguri għal fejqan ta’ malajr lill-Arċisqof Scicluna biex ikompli l-ħidma pastorali tiegħu bħala Mexxej tal-Knisja f’Malta.