Lokali

Ordnat mill-Qorti jwieġeb għaliex ilhom 5 snin biex isibu persuna f’Għawdex

Ir-raġel li ma jistax jinstab qed ikun akkużat b'evażjoni ta' taxxa

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia dalgħodu ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex jitla’ jwieġeb għaliex il-Pulizija ilha ħames snin sħaħ biex issib persuna minn Għawdex.

Il-każ hu dwar ċittadin privat li qed jiġi akkużat mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni b’evażjoni ta’ taxxa. Madanakollu, ir-raġel, Peter Paul Muscat min-Nadur Għawdex, wara ħames snin għadu ma deherx il-Qorti.

Ir-raġuni hi li l-Pulizija, wara ħames snin, għadhom ma rnexxilhomx jinnotifikaw lil dan ir-raġel biċ-ċitazzjoni biex jitla’ l-Qorti.

Fil-Qorti, il-Pulizija qalet li ma rnexxilhiex issib lil dan ir-raġel, u li lanqas il-qraba tiegħu ma jafu fejn qiegħed. Iżda l-Maġistrat Ian Farrugia ma kienx kuntent b’din ir-risposta, u ordna biex fis-seduta li jmiss tad-9 ta’ Mejju li ġej, jitla’ jwieġeb il-Kummissarju tal-Pulizija għal dan in-nuqqas jekk l-akkużat jibqa’ ma jidhirx.