Rugby Sport

Overseas fil-finali tal-MeDirect Group Cup b’rebħa fuq Falcons

Overseas jippruvaw iwaqqfu attakk ta' Falcons (Ritratt: Warren Sammut)

OVERSEAS……43

FALCONS……..22

Overseas għaddew għall-finali tal-MeDirect Cup wara li għelbu lil Falcons 43-22. Overseas dehru aktar għatxana għar-rebħa u bdew jilagħbu b’intensità li Falcons dehru li kienu nieqsa minnha tul il-logħba. Overseas bdew jilagħbu għat-territorju u bdew iħallu lil Falcons biex jużaw il-logħba veloċi tagħhom.

Kien wara ħames minuti li Overseas fetħu l-iskor b’penalty ta’ Christian Briffa minn madwar 40 metru. Fi ftit ħin, Overseas fetħu vantaġġ tajjeb ta’ 15-0. L-ewwel kien Anthony Harvey li għamel try f’azzjoni veloċi, b’Christian Briffa jiskorja l-conversion. Imbagħad kien Perez li għamel try mingħajr conversion.

Falcons wettqu ftit pressjoni fuq l-avversarji u rnexxielhom jagħmlu l-ewwel try tagħhom meta wara diversi fażijiet kien Jean Pierre Zarb li rnexxielu jpoġġi l-ballun wara l-linja. Reazzjoni minn Overseas li minn ruck, Andrew Schembri ġabar il-ballun u għadda l-ballun taħt il-lasta, bil-conversion issir minn Briffa.

Id-distakk sa tmiem l-ewwel taqsima kien ta’ 22-10, hekk kif Falcons irnexxielhom jagħmlu t-tieni try tagħhom wara li moviment mid-difiża ta’ Falcons wasslet biex Bjorn Micallef javvanza u jagħmel try b’ħarba tajba.

Falcons kellhom bidu negattiv għat-tieni taqsima meta l-iscrum half Julian Galea rċieva karta safra għal high tackle biex kellu jagħmel għaxar minuti fis-sin bin f’ħin kruċjali. Overseas ħadu vantaġġ u b’żewġ tries ta’ Rhodri McKenzie u żewġ conversions ta’ Briffa għalqu l-logħba bi skor 36-10.

Julian Galea skorja try u conversion għal Falcons biex għamilhom 36-17. Chris Borg irnexxielu jniżżel ismu fost l-iskorers b’ġirja ta’ 40 metru u try taħt il-lasta, b’conversion faċli għal Gareth Corcoran għal 43-17. Falcons skorjaw l-aħħar try tal-logħba permezz ta’ ġirja twila ta’ Julian Galea għal skor finali ta’ 43-22.

Referee: Lionel da Silva

Riżultati

MeDirect Group Cup

Semifinali

Overseas v Falcons        43-22

Stompers v Kavallieri    41-24

Tags