Bejn is-sebgħa t’April u l-aħħar ta’ Ġunju, fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta se tittella’ l-wirja Picasso & Mirò, The Flesh & The Spirit miġjuba Malta mill-Fundación MAPFRE bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti u l-Uffiċċju tal-President.
Leyre Bozal Chamorro, kuratur tal-Fundación, tkellmet magħna fuq kif issawwar il-proġett Picasso Méditerranée: “Din hija esebizzjoni mtella’ mill-Museo Picasso ta’ Pariġi b’kollaborazzjoni ma’ 60 istituzzjoni kulturali mill-Ewropa sabiex jiċċelebraw ix-xogħolijiet artistiċi ta’ Pablo Picasso u r-relazzjoni diretta tiegħu u xogħlijietu mal-kultura Mediterranja. Aħna qed nippruvaw inxerrdu x-xogħolijiet tiegħu ma’ kulturi differenti fir-reġjun biex b’hekk nistgħu niċċelebraw lill-ikbar pittur tas-seklu 20, Pablo Picasso.”
Il-wirja f’Malta se tiġbor 100 pittura ta’ Pablo Picasso u 44 pittura ta’ Joan Miro. Wieħed jaf ma jifhimx mill-ewwel għala l-esebizzjoni se tiġbor bċejjeċ ta’ arti ta’ 2 artisti differenti iżda wieħed malajr jintebaħ li dawn l-artisti jitkellmu fuq l-esperjenza tagħhom bħala kreaturi, kif dawn jaħsbu fuq il-pittura tagħhom u kif qed jerġgħu jaħsbu kif joħolqu minn perspettiva differenti.
Minn banda, Picasso qed jerġa’ jaħseb f’relazzjoni mal-esperjenza tiegħu bħala persuna klassika, u jistaqsi fuq ix-xogħolijiet artistiċi tiegħu u l-perfezzjoni tagħhom mill-punto di vista ta’ mit Grieg. Mill-banda l-oħra, Miro jaħseb fuq l-eżistenza tiegħu permezz tal-arti, b’mod iktar spiritwali bl-użu tal-astratt u l-kożmos, bħall-istilel u l-mara.
“Wieħed jista’ jara 2 bċejjeċ ta’ arti li fid-dehra jidhru differenti iżda fil-fatt għandhom ħafna komuni għaliex jerġgħu jaħsbu b’mod differenti fuq l-istorja tal-arti nnifisha u x-xogħolijiet li joħolqu.”
Preżenti għat-tnedija tal-miġja tal-esebizzjoni kien hemm il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, u d-Deputat Nazzjonalista Therese Commidini Cachia li t-tnejn enfasizzaw fuq l-opportunità unika li għandu l-poplu Malti biex jesperjenzaw djalogu bejn 2 artisti famużi Spanjoli darba f’ħajjithom.
//= $special ?>