Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Roberta Metsola titlob l-UE tinvestiga d-deal ta’ Vitals

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola bagħtet ittra lill-Kummissjoni Ewropea li fiha talbitha tinvestiga d-deal li l-Gvern Malti għamel ma’ Vitals dwar il-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. L-ittra kienet indirizzata lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans.

Fi stqarrija, l-MEP Metsola qalet li l-mod kif ġraw l-affarijiet biex ingħatat il-konċessjoni lil Vitals iqajjem dubji dwar il-passi tal-Gvern biex jiprevjeni l-korruzzjoni. Il-fatt li dan il-ftehim iħalli impatt fuq settur tant importanti f’Malta – is-saħħa pubblika u d-drittijiet tal-pazjenti – wassalni biex inħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża r-riżorsi neċessarji biex tanalizza d-dettalji kollha ta’ dan il-ftehim.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola

Dan il-pass qed isir wara li nhar it-Tnejn li għadda, l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista mar il-Qorti biex jiprova jwaqqaf dan id-deal. Roberta Metsola qalet li fid-dawl tad-diskussjonijiet li qed isiru dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, l-Kummissjoni Ewropea għandha tara jekk f’dan id-deal inkisrux direttivi tal-Unjoni Ewropea.

Hi wkoll talbet il-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi mekkaniżmu fuq livell Ewropea biex jagħmel analiżi tal-istat tas-saltna tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li Roberta Metsola qalet se tkompli tinsisti li ssir, flimkien ma’ gruppi politiċi oħra, fix-xhur li ġejjin.

Roberta Metsola qalet li mhux xieraq li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni fuq bażi ad-hoc, imma hi qed tinsisti li l-Unjoni Ewropea tipreveni ċertu sitwazzjoni, u mod biex dan isir hu li jkun hemm regoli u sanzjonijiet ċari li fl-aħħar mill-aħħar jiproteġu d-drittijiet tan-nies. “Ebda Gvern m’għandu d-dritt li jgħaddi bħal gaffa fuq is-saltna tad-dritt, u ninsab kunfidenti li l-Kummissjoni Ewropea tieħu l-passi li hemm bżonn. Is-sitwazzjoni hi wisq urġenti biex dan ma jseħħx,” temmet tgħid Roberta Metsola.

FILMAT: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiddefendi d-drittijiet tal-poplu Malti