– Karol Aquilina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kkritika l-mod kif – b’mod irregolari u bi ksur tal-liġi – qed jingħataw permessi biex jitpoġġew strutturi quddiem stabbilimenti f’toroq fejn hemm problemi kbar ta’ spazju u ta’ traffiku.
Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina tkellem dwar pjattaforma li tpoġġiet quddiem stabbiliment fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan u qal li dawn l-istrutturi li qed jitpoġġew f’diversi toroq qed joħolqu problema f’diversi lokalitajiet oħra fosthom Tas-Sliema u l-Belt. Irid ikun ikkunsidrat li Triq San Ġorġ f’San Ġiljan hi triq dejqa li minnha jgħaddi t-traffiku inkluż dak pubbliku. Dan minbarra li l-post hu limitat bħala spazju fejn fl-istess triq anki jipparkjaw numru ta’ vetturi.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm problema ta’ aċċess fit-triq tant li l-ministru Joe Mizzi kien issuġġerixxa li jitneħħa l-parkeġġ kollu fit-triq. Kienet imposta wkoll multa ta’ €4,000 għaż-żewġ parkeġġi li se jintilfu minħabba l-istruttura. Din hi daħka fil-wiċċ bħala kumpens, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Karol Aquilina qal li din hi biċċa negozju tajba għad-sidien tan-negozju li qed jagħmlu dawn l-istrutturi fejn qed jirriżulta li issa minnhom hemm eluf. Tul l-2017 l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet 163 applikazzjoni għal strutturi simili waqt li fl-2016 kien hemm 129 applikazzjoni. Il-problema hi li dawn l-istrutturi m’humiex tempornji iżda huma permanenti u ma jistgħux jiżżarmaw. Dan qed ikollu effett negattiv fuq il-komunità anki minħabba l-parkeġġi tar-residenti.
Karol Aquilina qal li l-ħruġ tal-permessi għal dawn l-istrutturi qed isir bi ksur tal-liġi; li tispeċifika li l-kunsill lokali jrid jagħti permess għaliex dawn it-tip ta’ toroq jaqgħu taħt il-kunsilli lokali. Dan hu prinċipju importanti u hu mniżżel anki fiċ-Chater Ewropew. Anki l-policy saret bi ksur tal-liġi għaliex il-kunsill għandu kompetenza f’dawn id-deċiżjonijiet. F’dan il-każ il-kunsill lokali ma kinx konsultat.
Karol Aqulina ppropona li l-policy tkun sospiża u li kull deċiżjoni tinżamm, li l-kunsilli jkollhom veto u li ssir reviżjoni sħiħa tal-policy.
//= $special ?>