Antonio Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, appella għall-waqfien immedjat tal-ġleid kollu fil-Lvant ta’ Ghouta, subborg ta’ Damasku li jinsab f’idejn ir-ribelli imma assedjat mill-Armata Sirjana.
Hu qal li l-waqfien mill-ġlied kien essenzjali biex tkun tista’ titwassal l-għajnuna umantiarja kif ukoll ikunu evakwati mas-700 persuna li għandhom bżonn kura medika urġenti.
Il-kap tan-Nazzjonijiet Uniti qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Hu qal li din kienet traġedja umana kbira u l-affarijiet ma setgħux ikomplu hekk.
Huwa faħħar ukoll l-Iżvezja u l-Kuwajt li qed ifasslu abbozz ta’ riżoluzzjoni dwar il-kriżi umanitarja fis-Sirja u fost l-oħrajn titlob għall-waqfien mill-ġlied ta’ 30 ġurnata.
L-appell ta’ Guterres sab appoġġ mis-Salib l-Aħmar li wkoll ħareġ stqarrija simili. L-istqarrija tas-Salib l-Aħmar qalet ukoll li t-tobba fil-Lvant ta’ Ghouta ma setgħux ilaħħqu man-numru kbir ta’ midruba u morda u issa kienu spiċċaw bi kważi ebda provisti mediċi. Sar ukoll appell biex it-tobba mis-Salib l-Aħmar jitħallew jidħlu fiz-zona assedjata.
Mill-Ħadd filgħaxija sat-Tlieta, hu stmat li mal-260 persuna nqatlu f’attakki mill-ajru tal-Gvern Sirjan.
Sorsi mil-Lvant ta’ Ghouta qalu li l-attakki mill-ajru huma kontinwi u t-tobba ma setgħux ilaħħqu mal-ammont ta’ nies li qed jindarbu. Intqal li fl-isptar ta’ Zamalka, hemm biss 18-il sodda, imma t-Tlieta filgħaxija ddaħħlu 82 pazjent. Dan apparti li anki l-isptar intlaqat f’bumbardament minnhom. Fl-attakk ħadd fl-isptar ma ndarab imma t-tankijiet tal-ilma tal-isptar u xi ambulanzi ġarrbu xi ħsarat.
Appell tan-NU favur dawk li qed igħixu fl-‘infern’ fis-Sirja


