L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata approvazzjoni għall-master plan tiegħu mill-Awtorità tal-ppjanar. Dan il-master plan jipprevedi li l-kumpanija ser tkun qed tinvesti tal-anqas €100 miljun fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-terminal, kif ukoll fil-kampus tal-ajruport b’mod ġenerali.
Wara l-għoti ta’ din l-approvazzjoni l-kumpanija ser tkun qed tipproċedi għall-istadju tal-ippjanar tal-programm ta’ investiment tagħha, li huwa mistenni li jiġi eżegwit fi tliet fażijiet prinċipali.
Fl-aħħar kwart tas-sena huwa maħsub li jingħata bidu għal xogħlijiet fuq il-bini ta’ pakeġġ b’bosta sulari, li ser jipprovdi spazju għal aktar minn 1,300 karozza. Il-master plan jinkludi wkoll pjanijiet għall-iżvilupp ta’ SkyParks II li ser jakkomoda spazju għal uffiċini u ħwienet, kif ukoll business hotel.
Qabel l-approvazzjoni tiegħu, il-master plan tal-kumpanija ġie suġġett għal Valutazzjoni tal-Impatt tat-Traffiku u Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, li bħala parti minnha nfetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati lokali, NGOs ambjentali u awtoritajiet governattivi bil-għan li dawn ikunu jistgħu jirrevedju l-pjan u jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom.
Matul is-16-il sena li għaddew, l-infrastruttura tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bbenefikat minn nefqa ta’ aktar minn €110 miljun, bl-aktar titjib li ġab miegħu dan l-investiment ikun espansjoni tat-terminal, rikonfigurazzjoni tat-terminal li ser tippermetti li t-traffiku tal-ajruport ikompli jiżdied u l-bini ta’ SkyParks Business Centre.
//= $special ?>