Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Alisson u De Gea jħallu lil Roma u Man United jittamaw

De Gea b'wieħed mid-diversi saves kontra Sevilla

Il-goalkeepers ta’ Roma u Manchester United kienu protagonisti b’interventi mill-aqwa biex għenu lit-timijiet tagħhom jiksbu r-riżultati importanti fl-ewwel legs tat-tieni rawnd taċ-Champions League ilbieraħ.

Manchester United kisbu draw ta’ mingħajr gowls għand Sevilla, filwaqt li minkejja t-telfa ta’ 1-2 fl-Ukrajna, Roma għad jistgħu idawwru r-riżultat fl-Olimpico.

F’Sevilla t-tim ta’ Vincenzo Montella kien ħaqqu xi ħaġa aħjar, iżda bħas-soltu t-tim ta’ Mourinho għalaq tajjeb l-ispazji biex kiseb dak li ried fl-ewwel leg, bit-tama li jikseb ir-rebħa f’Old Trafford.
Iżda kellhom ikunu żewġ interventi kważi mirakolużi ta’ De Gea fl-ewwel taqsima li taw ir-riżultat mixtieq lir-Red Devils wara l-ewwel disgħin minuta.

Fil-kesħa tal-Ukrajna Roma marru fil-vantaġġ grazzi għal gowl tat-Tork Cengiz Under qabel l-intervall.

Shakhtar wettqu rimonta tajba u minbarra li dawwru l-iskor b’gowls ta’ Facundo Ferreyra u Fred, kellhom fejn jiskorjaw iktar gowls iżda sabu lill-goalkeeper ta’ Roma Alisson f’forma mill-aqwa, biex bl-interventi tiegħu ħalla lit-tim ta’ Eusebio Di Francesco bil-possibilita’ li jgħaddu għall-kwartifinali.

Riżultati

Sevilla v Man Utd 0-0
Shakhtar v Roma 2-1