Lokali

FILMAT: Aldo jagħlaq 101 sena; jibqa’ pożittiv u ottimist dwar il-ħajja

Għandu 66 neputi u pro-neputijiet... Jirrakkuntalna mill-memorja eċċellenti tiegħu

Fid-dar tat-tifla tiegħu fil-Mosta, NET News iltaqa’ ma’ Aldo Vella, ir-raġel li llum għalaq 101 sena, u li matul ħajtu litteralment ra lil Malta tinbidel.

Imwieled fit-22 ta’ Frar 1917, Aldo litteralment ra lil Malta tinbidel. U ta’ 101 sena, Aldo għadu jiftakar l-episodji kollha ta’ ħajtu fl-akbar dettal.

Meta poġġejna għall-intervista, Aldo kellimna fit-tul dwar l-esperjenzi ta’ ħajtu, partikolarment dwar it-tnejn u għoxrin sena li qatta’ ma’ martu fil-missjoni. Aldo qalilna li fit-tmeninijiet u fid-disgħinijiet, kien għamel is-snin jevanġelizza u jgħallem lis-sorijiet ta’ Madre Tereża biex anke huma jkunu jistgħu jevanġelizzaw.

Filfatt, Aldo Vella aktarx hu wieħed mill-ftit Maltin li qatt iltaqa’ u tkellem ma’ Madre Tereża. “Spiss!” qalilna Aldo meta staqsejnih kemm-il darba kien jiltaqa’ magħha. “Kienet dejjem tgħidli: Kif ġejtu hawn? X’qed tagħmlu jekk għandkom it-tfal?” Għax flimkien ma’ martu, Aldo Vella kellu b’kollox disat itfal, apparti 38 neputi u 28 pro-neputijiet.

Waqt li uriena xi kotba dwar il-ħajja ta’ missieru, Aldo fakkarna li missieru huwa l-artist famuż Malti Ġanni Vella, li penġa waħda mill-iktar pitturi famużi ta’ dak l-episodju.

Is-Sette Gigno: Waħda mill-iktar tpinġijiet famużi Maltin hija xogħol Ġanni Vella, missier Aldo Vella

‘Il bogħod mill-memorji antiki ta’ tfulitu, fosthom meta kien xtara karozza bi Lm30 (b’dejn ta’ lira Maltija fix-xahar), Aldo kellimna wkoll dwar id-dieqa li jħoss illum il-ġurnata. “Taqbadni dieqa li llum nara li m’hawnx kuntentizza. Kulħadd qisu qed ifittex u ma jafx xi jrid”, qalilna.

Imma bogħod minn dan is-sentiment ta’ dieqa, ta’ 101 sena, Aldo baqa’ pożittiv u ottimist dwar il-ħajja: “Kull ġurnata, sakemm il-ġurnata ddum, ibqa’ kun ta’ kuraġġ għal ħaddieħor. Jekk għandek problema, kuraġġ – il-Mulej iħobbok”, temm jgħidilna bi tbissima.

L-intervista f’aktar dettal fil-ħarġa ta’ għada ta’ In-Nazzjon