Sidien ta’ ħanut tal-ħwejjeġ tan-nisa li jinsab fi Triq il-Bwieraq, f’Birkirkara, qed joffru €300 lil min jagtħti informazzjoni li twassal għall-arrest ta’ raġel li f’temp ta’ ftit ġimgħat għamel żewġ attentati ta’ serq mill-istess ħanut.
Ir-raġel inqabad minn kameras tas-sigurtà jiftaħ il-bieb tal-ħanut fi ftit sekondi, minkejja li kien imsakkar, waqt li liebes berritta bl-iskop li ma jintagħrafx. Madankollu, avolja rnexxielu jidħol fuq ġewwa, jidher li telaq mill-post b’idu f’idu.
Mhux hekk biss izda għamel numru ta’ żbalji. Hu daħal fil-post meta ma kienx liebes ingawnti, bil-konsegwenza li ħalla l-marki tas-swaba’, ipprova jiftaħ il-cash register mingħajr suċċess u falla wkoll milli jitfi l-alarm li kien ġie nstallat apposta wara li pprova jidħol fil-ħanut xi ġimgħat qabel.
Anke li kieku rnexxielu jiftaħ il-cash register, hu ma kien se jsib xejn għaliex l-attentat ta’ serq seħħ nhar il-Ħadd. Is-sidien ta’ dan il-ħanut ineħħu l-flus kollha fi tmiem il-ġimgħa.
//= $special ?>