Futbol Sport

FILMAT: Tikber l-istennija għal Valletta v Birkirkara – Iż-żewġ timijiet jagħmlu żjara fl-iskola primarja tal-lokalità

Iż-żewġ kowċis kienu fost dawk preżenti fl-iskejjel primarji
Il-logħba tintlagħab il-Ħadd fl-4.00pm fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali

Il-partita tal-Kampjonat BOV Premier bejn Valletta u Birkirkara qed iżżid fl-istennija mill-partitarji taż-żewġ timijiet iżda llum din l-istennija kompliet tikber hekk kif f’attività organizzata mill-MFA flimkien maż-żewġ klabbs, żaru l-iskejjel primarji ta’ Birkirkara u l-Belt Valletta rispettivament.

Fl-iskola primarja tal-Belt Valletta attendew il-kowċ Danilo Doncic, it-Team Manager Gerard Ellul, il-Media Officer Matthew Carbonaro u l-plejers Rowen Muscat, Matteo Piciollo u Claudio Pani. Fl-iskola primarja ta’ Birkirkara kien hemm preżenti l-kowċ Paul Zammit, wieħed mill-assistent kowċis Godfrey Grima u l-plejers Nikola Vukanac, Ryan Scicluna, Cain Attard u Mislav Andelkovic.

It-tfal preżenti ngħataw xalla mill-MFA bil-kliem “Forza Malta” filwaqt li l-uffiċjali preżenti pruvaw iqajmu atmosfera sabiħa. Fiż-żewġ żjarat kien hemm preżenti Peter Busuttil u Rodney Vassallo mill-MFA.

Bħalissa Valletta jinsabu fit-tieni post tal-klassifika b’41 punt, punt taħt Balzan, Birkirkara jinsabu fit-tielet post b’37 punt daqs Gżira meta fadal seba’ logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Għalhekk dan il-konfront jista’ jagħti indikazzjoni aħjar liż-żewġ timijiet għall-kumplament tal-istaġun. Il-logħba tintlagħab il-Ħadd fl-4.00pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.