Lokali

Il-Ħadd Heritage Malta se torganizza open-day fit-tempji ta’ Ħal Tarxien

Kont taf li l-kumpless tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien huwa kompost minn erba’ tempji?

Heritage Malta se tiftaħ dan is-sit li jifforma parti mil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO mingħajr ħlas nhar il-Ħadd.

L-erba’ strutturi megalitiċi inbnew fin-Neolitiku (bejn it-3600 u l-2500 sena QK) u reġgħu intużaw fil-perjodu tal-Bronż (bejn l-2400 u l-1500 sena QK). L-eqdem tempju f’dan is-sit huwa dak li jinsab fit-tarf tan-naħa tal-lvant u nbena bejn it-3600 u t-3200 sena QK. It-Tempju fin-nofsinhar huwa l-aktar dekorat bi xbiegħat ta’ annimali u spirali mnaqqxa fil-ġebel. It-Tempju tan-nofs jispikka minħabba l-pjan uniku tiegħu kompost minn sitt ikmamar f’forma ta’ nofs ċirku.

Il-Ħadd se jsiru wkoll żewġ żjarat bi gwida, wieħed fl-10.00am u l-ieħor fis-2.00pm. It-Tempji ta’ Ħal Tarxien se jkunu miftuħa bejn id-9.00am u l-5.00pm, bl-aħħar dħul ikun fl-4.30pm