Lokali

Jingħataw sentenzi sospiżi talli ammettaw fil-Qorti li ffalsifikaw ċekkijiet

Żewġt irġiel ammettew l-akkużi miġjuba kontrijhom dwar każ ta’ ċekkijiet foloz. Huma ngħataw sentenza sospiża. Huma kienu akkużati wkoll li ffalsifikaw xi dokumenti.

Jirriżulta li l-irġiel kienu jisirqu ċ-ċekkijiet minn għand min kien jimpjeghom biex eventwalment jiffalsifikaw il-firma tiegħu biex jieħdu l-flus huma.

L-irġiel huma Daniel Malhous ta’ 21 sena mir-Repubblika Ċeka u Jaroslav Starjat, Slovakk ta’ 27 sena.

Huma kienu ppruvaw isarrfu, f’bank lokali, ċ-ċekkijiet li taparsi kienu ffirmati mill-imgħallem tagħhom. Jirriżulta li l-bank tqajjimlu suspett fuq il-firma li kien hemm fuq iċ-ċekkijiet u għalhekk ikkuntattja lill-Pulizija li fittex u arresta liż-żewġt irġiel.

Huma dehru quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li kkundannat lil Malhous 18-il xahar ħabs sospiżi għal 4 snin u Starjat ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri filwaqt li għall-akkużati deher l-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace