Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs iżidu l-pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea għal liġi kontra l-iSLAPP

Ittra oħra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea tirrefera għall-metodi użati mill-Bank Pilatus

Sitt MEPs minn gruppi politiċi differenti u anke minn pajjiżi differenti, fosthom l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa, bagħtu ittra oħra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, li fiha rreferew għall-prattiċi abbużivi li qed juża l-Bank Pilatus, u żiedu l-pressjoni biex il-Kummissjoni Ewropea tiproponi leġiżlazzjoni kontra dik li hi magħrufa bħala SLAPP – jigifieri meta individwi jew kumpaniji jfittxu lill-ġurnalisti f’ġurisdizzjonijiet barra mill-pajjiż, bħall-Istati Uniti, biex il-pieni jitilgħu għal miljuni ta’ dollari.

Fi stqarrija konġunta, s-sitt MEPs – David Casa (Partit Popolari Ewropew), Ana Gomes (Soċjalisti), Monica Macovei (Konservattivi), Maite Pagazaurtundúa (Liberali), Stelios Kouloglou (Xellug) u Benedek Javor (Ħodor) – iddikjaraw: “Dan l-aħħar sar magħruf li ġiet ippreżentata kawża tal-iSLAPP mill-Bank Pilatus f’Arizona l-Istati Uniti, kontra l-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, li nqatlet f’Ottubru li għadda. Skont rapporti pubbliċi, dan il-Bank riedu jfittxu ġurnalisti Maltin fl-Istati Uniti għal flejjes li jammontaw għal 40 miljun dollaru. Dan hu eżempju ċar tal-abbuż li qed isir minn prattiċi tal-iSLAPP. La l-Bank Pilatus u lanqas Daphne Caruana Galizia m’għandhom rabta mal-Istati Uniti. L-għażla tal-ġurisdizzjoni saret biss biex tagħmilha kemm jista’ jkun diffiċli – kemm legalment kif ukoll finanzjarjament – għall-ġurnalisti.”

Il-Bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru ta’ rivelazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus li nkixfu fil-Panama Papers. Fil-fatt, kemm ir-riżoluzzjoni tal-15 ta’ Novembru 2017 tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ir-rapport sussegwenti dwar Malta li ġie ppubblikat fil-11 ta’ Jannar 2018, jesprimu tħassib serju dwar dan il-bank. Bħalissa, l-Awtorità Bankarja Ewropea qed tinvestiga lill-MFSA dwar il-fatt li dan il-bank qed jitħalla b’liċenzja biex jopera fl-Unjoni Ewropea. Minn naħa l-oħra, l-Bank Ċentrali Ewropew qed janalizza jekk hemmx bżonn l-intervent dirett tiegħu minħabba li s-sitwazzjoni hi waħda gravi.

Sadanittant, ġurnalisti u kumpaniji tal-media f’Malta, li jinsabu mhedda li jinqerdu finanzjarjament, ma kellhom ebda triq oħra ħlief li jissodisfaw it-talbiet tal-Bank Pilatus, u jħassru jew jemendaw artikli tagħhom, li jfisser li qegħdin jaħbu l-verità jew jerġgħu jiktbu l-istorja mill-ġdid. Riċentament, is-sit The Shift News ukoll ġie mhedded bi proċeduri legali fir-Renju Unit u l-Istati Uniti, din id-darba minn Henley & Partners – il-kumpanija li ngħatat id-dritt li tbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija. Daphne Caruana Galizia kienet kixfet kif din il-kumpanija kienet qed tippjana kawżi tal-iSLAPP flimkien mal-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti.

Filwaqt li s-sitwazzjoni f’malta hi gravi, dawn il-prattiċi mhumiex biss qed isiru f’Malta. Per eżempju, fir-Renju Unit, Appleby, l-kumpanija assoċjata mal-Paradise Papers, qed tuża tattiċi simili kontra The Guardian u l-BBC. Kien f’dan id-dawl li l-MEPs reġgħu bagħtu ittra lill-Kummissjoni Ewropea biex tiproponi Direttiva kontra l-iSLAPP, li tinkludi:

– il-faċilità li ġurnalisti investigattivi u anke media indipendenti jitolbu biex dawn it-tip ta’ kawżi fl-Unjoni Ewropea jiġu miċħuda;
– li jkun hemm penali għal kumpaniji li jinsistu li jwettqu dawn il-prattiċi barra mill-Unjoni Ewropea;
– li jitwaqqaf fond għall-iSLAPP biex jappoġġja ġurnalisti investigattivi u media indipendenti li jagħżlu li ma jaċċettawx it-theddid biex ineħħu l-istejjer li jkunu ppubblikaw;
– t-twaqqif ta’ reġistru tal-Unjoni Ewropea li jidentifika u jsemmi lil dawk il-kumpaniji u individwi li jwettqu dawn il-prattiċi abbużivi.

L-MEP David Casa

F’kummenti ma’ netnews.com.mt, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li bit-theddid lill-ġurnalisti, l-Bank Pilatus irnexxielu jdawwar kwistjoni lokali f’waħda internazzjonali. “Il-media hi r-raba’ pilastru essenzjali għad-demokrazija, u għalhekk m’għandu qatt ikun hemm kompromessi biex nassiguraw li l-media u l-ġurnalisti huma protetti. Se niġġieldu kontra kull tip ta’ azzjonijiet li jistgħu jippromettu dan.” David Casa temm jgħid li l-Bank Pilatus u Henley & Partners għandhom ikunu konxji tal-fatt li kull tentattiv ta’ intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti Maltin se jkun qed jintlaqa’ b’mod negattiv fil-Parlament Ewropew.


David Casa fost MEPs li talbu l-Kummissjoni tiproteġi l-ġurnalisti indipendenti