Lokali

Rejd f’Division 1 minn Pulizija pajżana – Ikompli jikber in-negozju tad-droga sintetika u tradizzjonali

F’Division 1 hemm priġunieri partikulari li għandhom dellhom tqil ħafna fir-rigward tar-rabta tagħhom mad-droga

Ilbieraħ waranofsinhar għadd ta’ Pulizija pajżana għamlu rejd f’Division 1 tal-Ħabs ta’ Kordin fejn hemm miżmuma għadd ta’ priġunieri Maltin u barranin.

Il-Pulizija għamlet dan ir-rejd fl-isfond ta’ rapporti dejjem jiżdiedu ta’ preżenza kbira ta’ droga sintetika u tradizzjonali fil-Ħabs ta’ Kordin.

Nifhmu li f’Division 1 hemm priġunieri partikulari li għandhom dellhom tqil ħafna fir-rigward tar-rabta tagħhom mad-droga. Hemm saħansitra min isostni li ċerti priġunieri f’Division 1 għandhom l-appoġġ ta’ persuni fit-Tmexxija tal-Ħabs tant li jitħallew jagħmlu li jridu mingħajr ebda kontrolli ta’ xejn.

Hemm allegazzjoni serja fil-preżent fil-konfront ta’ priġunier Libjan li dan “mill-Ħabs se joħroġ sinjurun bid-droga li jinnegozja hawn ġew.”

Sa meta morna għall-istampa ma kienx magħruf l-eżitu ta’ dan ir-rejd mill-Pulizija pajżana mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Ta’ min jgħid li fix-xhur li għaddew il-Ministeru għall-Intern, li hu direttament responsabbli mill-Ħabs, poġġa fit-Tmexxija tal-Ħabs persuna li litteralment ma għandha l-esperjenza f’dan il-kamp u li tul il-ġimgħat li għaddew, ripetutament, uriet li ma hix għall-altezza biex tokkupa tali pożizzjoni tant importanti bis-sitwazzjoni fil-Ħabs tmur minn ħażin għall-agħar.