Ftit wara li l-Union tal-Għalliema wettqet l-istrajk barra l-MCAST – l-amministrazzjoni tal-MCAST irrispondiet u qalet li minkejja li offriet numru ta’ proposti, l-MUT ma aċċettatx il-ftehim kollettiv ġdid. Dan hekk kif l-MCAST ma laqghatx it-talbiet tal-lecturers biex jinghataw dak li haqqhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-MCAST Silvio De Bono qal li huma offrew proposti li jersqu viċin ħafna ta’ dak li jridu l-lecturers, iżda huma se jibqgħu miftuħa li jinnegozzjaw dan il-ftehim – għaliex l-interess tagħhom hu li malajr kemm jista’ jkun tissolva din is-sitwazzjoni u kollox jirritorna għan-normal.
Silvio De Bono qal li mhuwiex minnu li l-proposti tal-MCAST ma ntbagħtux bil-miktub – ħlief għal talba waħda li saret minn uffiċjal tal-Gvern. Din il-proposta kienet li l-lecturers tal-MCAST jaddottaw sistema li topera eżatt bħal dik tal-Junior College – madanakollu, l-MCAST qal li dan ma jagħmilx sens, hekk kif l-MCAST hi istituzzjoni vokazzjonali u mhux waħda akkademika biss.
It-tkaxkir tas-saqajn mill-Gvern u l-MCAST qed iwassal biex ibgħatu l-istudenti u bl-għalliema ma jingħatawx dak li huma ħaqqhom.