Lokali

Waqt li jikber il-ġlied intern fil-Labour… Luciano Busuttil iħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta

Jgħid li qed iħossu trattat qisu 'prostituta għall-voti'

L-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali għal numru ta’ raġunijiet. Skont hu, waħda mir-raġunijiet hi li kien qed jiġi trattat qisu ‘prostituta għall-voti’.

Hu qal dan f’intervista mal-magazine Commercial Courier, li fiha qal li raġunijiet oħra li wassluh jinkludu wkoll il-fatt li llum, li tkun politiku jitqies bħallikieku tkun korrott.

Luciano Busuttil kien elett fil-Parlament fl-elezzjonijiet tal-2008 u tal-2013, jiġifieri kważi tul iż-żmien kollu li Joseph Muscat kien ilu Prim Ministru u Mexxej Laburista. Luciano Busuttil ma kienx elett fl-elezzjoni ġenerali tal-2017. Id-deċiżjoni li ma jikkontestax tiġi fl-istess żmien fejn il-ġlied intern fil-Partit Laburista qed jikber bejn fazzjonijiet li huma determinati li jtellqu biex jieħdu post Joseph Muscat.

Dan hekk kif fil-ġimgħat u l-jiem li għaddew, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat iddikkjara li xejn mhu se jbiddilu fehmtu, jiġifieri li ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni ġenerali u li ma jibqax Mexxej Laburista.

F’dan il-kuntest, qed tikber ir-rivalità bejn l-MEP Miriam Dalli u d-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne, b’manuvrar intern li jidher li qed jagħti imbottatura akbar lil Miriam Dalli.

Għalkemm Luciano Busuttil m’għamilx referenza dwar dan kollu, hu qal li qed jieħu d-deċiżjoni li ma jerġax jikkontesta għax illum “xejn m’għadu jinħass importanti”, u semma wkoll in-nuqqas ta’ kuntatt mat-tfal tiegħu bħala raġuni oħra.

Luciano Busuttil tpġġa wkoll bħala Chairman tal-aġenzija SportMalta.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10156034093836390&set=a.362038856389.156779.544431389&type=3&theater