Tkompli r-rabja internament fil-Partit Laburista għall-mod kif ċerti esponenti tal-Partit qed ikunu pprivileġġjati aktar minn oħrajn mit-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kabinett tiegħu.
Fl-aħħar minn sensiela ta’ każijiet, sorsi fi ħdan il-Partit Laburista li tkellmu ma’ NET News innutaw kif l-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ngħatat ‘direct order’ ieħor ta’ €30,000 ftit tal-ġimgħat wara li ma kinitx eletta fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda.
Fil-fatt, għal Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Prim Ministru qal li f’Lulju li għadda, l-eks Segretarju Parlamentari ngħatat id-‘direct order’ ta’ €30,000 għal Konsulenza Legali fi ħdan Identity Malta.
Dan jingħaqad mad-‘direct order’ ta’ €126,000 li Deborah Schembri ngħatat għal servizzi legali fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, li fil-leġislatura li għaddiet, hi stess kienet responsabbli minnha bħala Segretarju Parlamentari.
Għall-esponenti Laburisti li tkellmu ma’ NET News, dan kollu hu aġir diskriminatorju li l-Gvern qed jagħmel favur nies bħal Deborah Schembri u Edward Zammit Lewis, li wara li ma ngħatax Ministeru minn Muscat, ukoll gawda minn ‘direct order’ ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro għal Konsulenza Legali ma’ Identity Malta.
Is-sorsi qalu li huma qed iħossuhom minsija mill-Gvern ta’ Muscat għax għalkemm anke huma għandhom twemmin Laburista u għenu biex il-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, lanqas biss qed ikunu kkunsidrati għal xi biċċa xogħol mal-Gvern.
//= $special ?>