Lokali Qorti

Alfred Sant, Miriam Dalli u Jason Micallef ħatja ta’ malafama

Il-każ imur lura għal 11-il sena ilu

L-eks Ministru Ninu Zammit rebaħ tliet libelli fil-konfront tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Alfred Sant, l-eks Editur tal-media Laburista Miriam Dalli u l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef dwar artikli fil-gazzetta Laburista Kulħadd, ilkoll dwar kumpens li kien tħallas lilu b’rabta ma’ esproprjazzjoni ta’ biċċtejn art li kienu jammontaw għal 187 metru kwadru ta’ art, quddiem id-dar tiegħu fiż-Żurrieq.

It-tliet esponenti Laburisti nstabu ħatja ta’ malafama u kull persuna weħlet 1,000 ewro, li trid titħallas lill-eks Ministru Nazzjonalista. Fis-sentenza tagħha kontra Alfred Sant, il-Maġistrat Gabriella Vella fissret li hi rat ir-Rikors ippreżentat minn Ninu Zammit fis-17 ta’ Awwissu 2007, fejn talab li l-Qorti tiddikjara li diskors fil-Mosta li Sant kien għamel dak iż-żmien, u li kien irrapputat fil-media, kien libelluż u malafamanti fil-konfront tiegħu billi kien joffendi l-unur u l-fama tiegħu, filwaqt li jesponih għar-redikolu.

Fil-Qorti, Ninu Zammit fisser li ħadulu 187 metru kwadru, jiġifieri daqs plott normali ta’ tliet qasab faċċata, b’fond ta’ 94 pied.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat fissret li minħabba li fil-fehma tal-Qorti, dak li qal l-eks Mexxej Laburista hu malafamanti fil-konfront ta’ Ninu Zammit, allura l-kumpens dovut lill-eks Ministru Nazzjonalista minħabba l-malafama kkawżata lilu għandha tkun ta’ 1,000 ewro, li trid titħallas mill-istess Alfred Sant, bl-imgħax legali mid-data ta’ din is-sentenza sad-data tal-pagament effettiv.

F’sentenza separata, din id-darba fil-konfront ta’ Miriam Dalli, illum Membru Parlamentari Ewropew u waħda mill-kontestanti mhux uffiċjali għall-ġlieda fil-Leadership tal-Partit Laburista, il-Qorti nnutat li l-fatti rakkontati kienu bla bażi, impertinenti u ‘l bogħod mill-korrettezza.

U fit-tielet sentenza tagħha, il-Qorti ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha mressqa mill-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef u ddikjarat artiklu miktub minn Micallef fil-konfront ta’ Ninu Zammit bħala malafamanti.

Għaldaqstant, il-Qorti kkundannat ukoll lil Miriam Dalli u lil Jason Micallef biex anke huma jgħaddu kumpens ta’ 1,000 ewro kull wieħed lill-eks Ministru Nazzjonalista.