Kultura Lokali Mużika

Ezio Bosso u l-‘Vienna Boys’ Choir’ f’Malta għal 2 kunċerti

Artisti ta' fama internazzjonali f'Malta b'kunċerti b'riżq il-'Malta Community Chest Fund Foundation'

Kor u surmast rinomati mad-dinja se jkunu Malta fl-aħħar nofs ta’ Marzu għal 2 kunċerti b’riżq il-Malta Community Chest Fund. 

Il-Vienna Boys Choir, kor rinomat mad-dinja, se jtella’ kunċert korali fit-Teatru Manoel nhar it-Tlieta 20 ta’ Marzu u se janimaw ukoll quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Ħadd 18 ta’ Marzu.

Dan il-kor, iffurmat minn 100 korista ta’ bejn id-9 u l-14-il sena, imur lura għall-1498 meta Massimiljanu I riloka l-operat tiegħu fi Vjenna fejn hemmhekk waqqaf dan il-kor u l-kor Imperjali. Matul is-sekli, dawn iż-żewġ korijiet attiraw mużiċisti kbar bħal Mozart, Bruckner, Haydn u Schubert. Għal madwar 12-il ġimgħa fis-sena, il-Vienna Boys Choir jinqasam f’4 korijiet sabiex itellgħu kunċerti madwar l-erbat irjieħ tad-dinja.

Il-Ħadd 25 ta’ Marzu mbagħad, Ezio Bosso, kompożitur, pjanista u direttur Taljan minn Turin, se jidderieġi lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali f’kunċert imtella’ fit-Teatru Manoel.

Bosso hu magħruf bħala wieħed mill-iktar kompożituri kontemporanji influwenti ta’ żmienna. L-eklettiżmu, il-versatilità u l-ġenerożità huma l-karratteristiċi li jiddistingwu l-karriera artistika ta’ Ezio Bosso minn oħrajn. Huwa kkollabora ma’ bosta istituzzjonijiet mużikali prestiġjużi kemm bħala kompożitur, pjanista u anki direttur f’ teatri bħat-Teatru tal-Opra ta’ Sydney, is-Sala Carnegie f’New York u r-Royal Albert Hall f’Londra.

Il-biljetti għal dawn il-kunċerti huma għall-bejgħ mill-uffiċċju tat-Teatru Manoel u s-sit elettroniku tal-istess Teatru. Wieħed jista’ jgawdi minn prezz speċjali ridott meta jirriserva post għaż-2 kunċerti.