Francis Zammit Dimech itemm ħidma fuq rapport dwar il-libertà tal-media
“Żewġ kumitati tal-Parlament Ewropew bagħtu messaġġ ċar lill-Gvern Malti biex jistabbilixxi lil min verament ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u biex jipprovdi protezzjoni adegwata lil sorsi ta’ ġurnalisti, inkluż whistleblowers, biex jagħmlu faċli biex ġurnalisti jfittxu informazzjoni dwar l-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll biex jieħu pożizzjoni ċara kontra l-iSLAPP.”
L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara voti li ttieħdu fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa dwar żewġ rapporti b’rabta mal-pluraliżmu u l-libertà tal-media fl-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ rapporti ġew approvati b’21 vot favur, 2 astensjonijiet u ebda vot kontra.
Fil-Kumitat responsabbli mill-media, Zammit Dimech kien ir-rapporteur dwar dan ir-rapport f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Ir-rapport jinsisti għal protezzjoni għall-ġurnalisti investigattivi, u jagħmel referenza speċifika għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. “Dan ir-rapport jibgħat ukoll il-messaġġ lill-Gvern Malti biex jieqaf jattakka u jiprova jikkundizzjona lill-media indipendenti permezz ta’ trolls organizzati kif ukoll fake news, kif kixfet l-istess media fl-aħħar ġimgħat,” sostna Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech, li hu wkoll membru tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali, ressaq emebda li ssejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu nota tal-prattiċi tal-iSLAPP li qed jintużawx minn entitajiet kummerċjali b’saħħithom, kif ukoll biex tiproponi leġiżlazzjoni li twaqqaf dawn il-prattiċi abbużi, liema emenda ġiet approvata. Dwar dan, Zammit Dimech qal, “X’pożizzjoni għandu l-Gvern Malti dwar it-twaqqif tal-iSLAPP darba għal dejjem? Għadu qed jistenna l-pariri?” F’dan il-Kumitat, ġiet approvata emenda oħra ta’ Zammit Dimech li ssejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-ġurnalisti jingħataw id-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni pubblika b’tali mod li tkun assiguarata t-trasparenza, l-kontabbiltà u t-tmexxija tajba.
Zammit Dimech qal li l-voti li ttieħdu fil-Parlament Ewropew jirrikonoxxu l-fatt li jekk wieħed ifalli milli jiproteġi l-media u l-ġurnalisti, jfisser li ċ-ċittadini qed ikunu mċaħħda mid-dritt fundamentali li jkunu infurmati dwar temi li huma ta’ tħassib għalihom. “M’aħniex se nħallu lill-Gvern Malti milli jċaħħadna mid-drittijiet tagħna,” temm jgħid Francis Zammit Dimech.
//= $special ?>