Rapport: Keane Cutajar
NAXXAR L………………..0
HIBERNIANS…………….0
Naxxar: C. Nicht, R. Santos, M. Souza, M. Micallef, D. Bonnici, R. Cassar, D. Bustos, M. Verissimo, M. Fenech (D. Falzon 89’), R. Leandro (A. Buhagiar 65’) (J. Debono 90’), Y. Messias
Hibernians: R. Briffa, D. Vella, M. Kreuzriegler, J. Perreira (G. Gorozia 15’), J. Degabriele (A. Neto 72’), C. Failla, J. Bezzina, A. Agius, J. Moreira, J. Mbong, J. Lima
Imwissija: M. Souza 28’, R. Santos 33’, D. Bustos 45’ (N), J. Lima 26’, C. Failla 45’, J. Bezzina 89’ (H)
Referee: Stefan Pace
Assistenti Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Johann Bezzina (Hibernians)
Attendenza: 366
Hibernians komplew jonqsu milli jqabblu l-prestazzjonijiet tal-istaġun li għadda ma’ dak t’issa meta kontra dak previst ħadu biss punt minn konfront li fih minnhom kien mistenni iktar.
L-ewwel taqsima intlagħbet taħt xita kontinwa li għenet l-andament tal-logħba forsi jkun daqsxejn veloċi filwaqt li għat-tieni taqsima minkejja li t-temp ma nbidilx f’wieħed iktar niexef, l-azzjonijiet tal-partita nixfu.
Interessanti l-fatt li Naxxar bdew il-partita bil-kuluri tradizzjonali ħomor tagħhom iżda ħarġu b’kuluri differenti għat-tieni taqsima, xi ħaġa li jekk xejn, rari ġrat fil-futbol. Naxxar bdew mingħajr il-captain Angus Buhagiar li daħal jilgħab fil-65 minuta flok l-imweġġa’ Rodrigo Leandro da Costa, iżda kellu jerġa’ joħroġ fid-90 minuta hekk kif weġġa’ wkoll.
Appena għaddew sitt minuti, Hibernians resqu viċin permezz ta’ Jurgen Degabriele wara passaġġ tajjeb ta’ Johann Bezzina iżda Christoph Nicht kien attent u salva x-xutt li kien ċentrali. Mark Miller kien sfurzat jagħmel sostituzzjoni wara biss kwarta logħob meta weġġa’ Joao Moreira u floku daħal Giorgi Gorozia fl-istess pożizzjoni tal-attakk Pawlist.
It-tim ta’ Raħal Ġdid kompla jittanta xortih din id-darba meta Jackson Lima għamel spazju għalih innifsu barra l-kaxxa qabel prova lejn il-lasta b’xutt li però kien dgħajjef u faċli għal Nicht. Tliet minuti wara, Bezzina għamel l-istess minn pożizzjoni iktar ċentrali bogħod mill-kaxxa b’xutt ieħor li ħareġ ħazin għall-pawlisti, bl-ebda problemi għall-gowlkiper ta’ Naxxar.
L-ewwel tentattiv lejn il-lasta minn Naxxar wasal man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Duane Bonnici li minn pożizzjoni angolata xxuttja b’saħħtu iżda f’idejn Rudy Briffa. Hibernians resqu l-iktar viċin fil-41 minuta meta kross perfett mix-xellug sab lil Jackson Lima li bir-ras resaq viċin b’tentattiv li għalih attent kien Nicht li salva tajjeb.
Fis-66 minuta, appena daħal fil-grawnd Angus Buhagiar, li lagħab f’pożizzjoni aktar avvanzata mis-soltu, tefa’ kross insidjuż lejn Yuri Messias li naqas li jikkontrolla kief ried bil-ballun jasal għand Briffa f’azzjoni li setgħet sarrfet fl-ewwel gowl tal-partita.
Fl-aħħar sekondi tal-partita, Giorgi Gorozia ttanta xortih minn barra l-kaxxa, f’dak li kien xutt perikoluż li iżda kien imxellef f’korner permezz ta’ Nicht.
//= $special ?>