Lokali

Il-BOV u oħrajn ħatja ta’ danni li jammontaw għal €3,440,000

Ippubblikata d-deċiżjoni dwar 400 ilment li saru minn investituri fil-La Valette Multi Manager Property Fund

400 investitur li kienu investew flushom fil-‘La Valette Multi Manager Property Fund’ ingħataw raġun mill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, li sab lil numru ta’ operaturi finanzjarji ħatja ta’ negliġenza, b’danni li jaqbżu t-tliet miljuni u nofs.

L-operaturi li kontrihom ittieħdet id-deċiżjoni huma l-La Valette Funds Sicav PLC, il-Valletta Fund Management Ltd u il-Bank of Valletta.

Fl-ilment tagħhom, l-investituri kienu qalu li huma sofew danni ta’ telf ta’ flus riżultat ta’ negliġenza minħabba sales practices żbaljati fil-mod kif inbiegħ il-La Valette Property Fund mill-BOV. Qalu wkoll li sofrew danni minħabba l-mod kif l-Property Fund ġie mmaniġjat mill-Valletta Fund Management meta numru ta’ fondi oħra li fihom investa l-La Valette Property Fund bil-flus tal-investituri kienu jiksru r-regoli tal-prospett tal-istess Property Fund.

Dan il-ksur sar f’numru kbir ta’ fondi u b’mod ripetut u kontinwu, u prattikament beda minn meta gie mniedi l-fond fl-2005 u kompla sa ma ġie xolt fl-2012.

L-ilmentaturi kienu wkoll qed jilmentaw dwar il-mod kif l-istess BOV, fil-kwalità tiegħu ta’ Kustodju tal-Fond, li kellu jkun il-‘watchdog’ għall-investituri ż-żgħar u jiżgura li kollox kien qed isir kif suppost, spiċċa żvijja lill-investituri meta mhux biss ma rrapporta l-ebda ksur tar-regoli iżda rraporta li kollox sar kif suppost.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Arbitru wasal għall-konklużjoni li l-imġieba ta’ dawk li provdew dawn is-servizzi finanzjarji ma kinitx waħda ġusta, ekwa, u raġonevoli, u li din l-imġieba wasslet għal dannu u telf ta’ flus. L-Arbitru żied li issa, l-valur tal-kapital li baqa’ ma tħallasx irid jitħallas lura bħala kumpens.

L-Arbitru kkonkluda li kien qed jordna lill-La Valette Funds SICAV, lill-BOV, lil-BOV Asset Management Ltd (li ħadet post il-Valletta Fund Management Ltd) biex bejniethom iħallsu l-kumpens lill-investituri għat-telf li ġarrbu.

Il-valur ta’ danni akkordati mill-Arbitru huma stmati madwar €3,440,000, apparti l-imghax legali ta’ 8% mid-data li saret l-Ilment mal-Arbitru.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Bank of Valletta qal li qiegħed jevalwa d-dettalji tad-deċizjoni u li l-Bord tad-Diretturi se jkun qed jiddiskuti dan il-każ u jiddeċiedi dwar l-azzjonijiet xierqa li għandhom jittieħdu fl-aħjar interess tal-Bank.