Lokali

Il-Klassifika tal-Korruzzjoni: Malta waqgħet 12-il post f’sentejn

Fil-21 post fost it-28 membru tal-Unjoni Ewropea

Bejn l-2015 u l-2017, Malta waqgħet 12-il post f’dak li jissejjaħ Corruption Perception Index pubblikat kull sena minn Transparency International. Waqt li fl-2015 Malta kienet fl-34 post, fl-2017 niżlet fis-46 post.

L-Indiċi għall-2017 kien pubblikat nhar l-Erbgħa filgħaxija u fih Malta tokkupa s-46 post, wieħed ’il fuq minn sena qabel (2016) meta kienet fis-47 post.

Ftit tax-xhur ilu, Transparency International ħabbret li kienet irrevediet xi ċifri għall-Indiċi tal-2014 u l-2015. B’hekk, fl-2015, Malta kienet fl-34 post u mhux fis-37 post kif kien tħabbar oriġinarjament. Dan ifisser li fl-2016, fil-verità, Malta ma kinetx waqgħet 10 postijiet mis-sena ta’ qabel iżda 13-il post.

Mill-Indiċi għall-2017 pubblikat din il-ġimgħa, jirriżulta wkoll li Malta tinsab fil-21 post fost il-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri hemm 20 pajjiż qabilha u 7 biss warajha li huma l-Italja, is-Slovakkja, il-Kroazja, il-Greċja, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Bulgarija.

Din il-pożizzjoni ta’ Malta fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea trid tittieħed fil-kuntest tal-għajta tal-Partit Laburista li kien jgħid li ried jagħmel lil ‘Malta l-Ewwel fl-Ewropa’ u tal-għajta l-oħra li dan hu ‘L-Aqwa Żmien’ għal pajjiżna.