Il-konfront bejn Valletta u Birkirkara fl-aħħar snin dejjem ġibed interess fil-futbol lokali iżda din il-logħba għandha xenarju differenti. Fl-ewwel rawnd, Valletta kienu għelbu lil Birkirkara 3-0 b’gowls minn Michael Mifsud, Kyrian Nwoko u Denni Rocha dos Santos.
F’dak iż-żmien, Birkirkara kien qed ikollhom kampjonat diffiċli u dik kienet it-tielet telfa minn sitt logħbiet, b’dan il-konfront ma kienx jitqies bħala logħba tan-naħa ta’ fuq.
Birkirkara ħadmu biex jirranġaw it-tim u jibdew jitilgħu fil-klassifika, xi ħaġa li rnexxielhom hekk kif il-Karkariżi ġejjin minn tmien rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u faċilment jitqiesu l-aktar tim fil-forma bħalissa.
F’konferenza stampa bi preparazzjoni għal din il-logħba, il-kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit stqarr li t-tim qatt ma ħares lejn il-klassifika għaliex kienet impossibbli għalihom li jissieltu fin-naħa ta’ fuq u għalih diġà kien tajjeb li tal-anqas dan il-konfront qed jitqies bħala importanti.
“Jista’ jkun għamilna ħafna u jista’ jkun ma għamilna xejn,” qal Zammit u minkejja li Birkirkara rkupraw, kompla li jkun prużuntuż jekk jgħid li dan il-konfront jiddetermina rebħ ta’ kampjonat.
Bejn iż-żewġ kowċis jeżisti rispett reċiproku hekk kif Zammit qal li Valletta ssaħħew dan l-istaġun u qal li għandhom l-aktar skwadra b’saħħitha. Fuq in-naħa l-oħra l-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic qal li “Birkirkara għaddejjin minn forma tajba, għandhom plejers tajbin u kowċ tajjeb.”
Il-kowċ Serb qal li minkejja li l-logħba hi importanti għaż-żewġ timijiet, jemmen fit-tim tiegħu saħaq li waħda mill-filosofija tiegħu hi li “t-telliefa qed jaħsbu fuq ir-rebbieħa u r-rebbieħa jaħsbu kif se jirbħu.” Fl-aħħar konfront dirett kontra Balzan, Valletta ma skorjawx u kienu Balzan l-aktar tim kuntent fi tmiem il-logħba.
Din il-logħba hi differenti għaliex it-tnejn iridu rebħa, Valletta biex ikomplu jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat filwaqt li Birkirkara biex tal-anqas isaħħu t-tielet post hekk kif b’telfa jistgħu jinqabżu minn Gżira u Hibernians.
Mistoqsi fuq dan il-fatt, Doncic qal li se tkun logħba aktar miftuħa minn dik ta’ kontra Balzan għaliex it-tnejn iridu r-rebħa u tenna li l-problema tagħhom li jsibuha diffiċli biex jiskorjaw qed tissolva ftit ftit, fejn fl-aħħar żewġ logħbiet skorjaw ħames gowls u saħaq li se juru dan fil-logħba.
Preżenti wkoll kien hemm iż-żewġ captain. Id-difensur ta’ Valletta Ryan Camilleri qal li ftit kienu jemmnu li Birkirkara setgħu jaslu sa dan l-istadju, iżda qal li minkejja li din il-logħba hi importanti, saħaq li hi logħba bħall-oħrajn.
Id-difensur Serb ta’ Birkirkara Nikola Vukanac qal li minkejja li ġejjin minn sensiela pożittiva ma jfisser xejn għaliex fadal seba’ logħbiet x’jintlagħbu u sostna li se jagħmlu minn kollox biex jirbħu.
Dan se jkun il-171 konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet, b’Valletta għandhom vantaġġ konsiderevoli b’total ta’ 94 rebħa kontra l-41 rebħa ta’ Birkirkara, bil-35 logħba l-oħra jispiċċaw fi draw. Fl-aħħar għaxar logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha, Valletta rebħu nofshom, tliet logħbiet spiċċaw bl-Istripes jirbħu żewġ logħbiet.
Iż-żewġ timijiet se jkun bl-aqwa skwadra possibbli għal din il-partita bl-eċċezzjoni għall-midfielder ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier li għadu mweġġa’.
//= $special ?>