Wara waqfa ta’ ġimgħa minħabba l-partiti tat-Trophy, jirritorna l-Kampjonat BOV Premier. Bla dubju l-aktar logħba li tispikka se tkun dik ta’ nhar il-Ħadd bejn Valletta u Birkirkara.
Bħalissa Valletta qegħdin punt taħt il-liders Balzan u se jkunu qed jilagħbu kontra tim li jinsab f’forma mill-aqwa.
Birkirkara se jkunu ġejjin minn tmien rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat filwaqt li ġimgħa ilu għaddew ukoll għas-semifinali tat-Trophy meta għelbu lil Qrendi 3-0.
L-istess Valletta għaddew anke għas-semifinali meta rebħu 2-0 kontra Żejtun.
Fil-kampjonat Birkirkara komplew għaddejjin bir-rebħ hekk għelbu lil Sliema. Rebħa li biha l-Istripes komplew isaħħu t-tielet post tal-klassifika biex issa jinsabu aktar viċin il-liders wara li dawn naqqsu li jirbħu l-konfront kontra Floriana.
B’hekk, dak li deher impossibbli f’Novembru li għadda issa huwa realtà fejn Birkirkara mhux talli jinsabu fit-taqtiegħa għal post fl-Ewropa iżda anki għar-rebħ tal-kampjonat.
Huma reġgħu wrew karattru biex anki wara li Sliema daħlu fil-logħba meta ġabu d-draw xorta waħda skurjaw il-gowl tar-rebħa għal darb’oħra minn Grech li kompla jimpressjona. Sliema taw sfida denja imma xorta waħda ħarġu b’idejhom vojta.
Wara żewġ draws kontra Sliema Wanderers u Balzan, kif kien mistenni, Valletta rritornaw għar-rebħ wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Lija Athletic bl-iskor ta’ 3-1.
Għal Valletta din kienet it-12-il-rebħa tal-istaġun fejn huma kienu dominanti tul il-partita kollha.
Jerġgħu jiltaqgħu
Wara li tilfu kontra Valletta, Lija issa jmisshom jilagħbu kontra Balzan u dan bla dubju għalihom se jkun konfront diffiċli għalihom.
Minn naħa tagħhom Balzan huma favoriti li jirbħu din il-logħba biex mhux biss temporanjament ikabbru l-vantaġġ tagħhom fuq Valletta, imma anke jittamaw li jum wara Valletta u Birkirkara jtemmu fi draw biex b’hekk ikunu approfittaw bl-aktar mod massimu minn din il-logħba tant mistennija.
Ironikament, Balzan diġa’ lagħbu kontra l-istess Lija ġimgħa ilu fil-kwarti tal-finali tat-Trophy u Balzan rebħu 3-1. Ġimgħa qabel Balzan kien rnexxielhom isalvaw punt minn partita diffiċli wara li spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Floriana.
B’hekk Balzan issa ilhom sbatax il-logħba minħajr telfa fejn l-unika telfa li sofrew kienet fit-tieni ġurnata tal-kampjonat kontra St. Andrew’s.
Jekk wieħed iħares lejn il-programm jinnota li Balzan, sa tmiem il-kampjonat fadlilhom jilagħbu kontra Lija, Gżira, Birkirkara, Mosta, Tarxien, Senglea u Hibs.
Minn naħa tagħhom Valletta jmisshom jilagħbu kontra Birkirkara, Tarxien, Hibs, St Andrews, Ħamrun, Floriana u Gżira.
Fl-unika logħba tal-lejla Hibs jilagħbu kontra Naxxar bit-tama li jinsew malajr id-disfatta li kellhom ġimgħa ilu wara li dawn sfaw eliminati mit-Trophy meta tilfu bil-penalties kontra Sliema.
Il-Programm
Illum
Centenary Stadium
7.00pm Naxxar L v Hibernians
Għada
Stadium Nazzjonali
2.00pm Lija A v Balzan
4.00pm Sliema W v Tarxien R.
Hibs Stadium
2.00pm Senglea A v St. Andrew’s
4.00pm Gżira Utd v Floriana
Il-Ħadd
Stadium Nazzjonali
2.00pm Mosta v Ħamrun S.
4.00pm Valletta v Birkirkara