Il-Qorti Federali Amministrattiva f’Leipzig, ilbieraħ, bdiet tikkunsidra jekk l-awtoritajiet għandhomx jipprojbixxu l-preżenza tal-karozzi li jaħdmu bid-diesel fl-ibliet tal-pajjiż, bil-għan li jonqos it-tniġġis tal-ajru. Dan il-pass, f’każ li jkun iddikjarat validu, jista’ jħalli l-konsegwenzi drastiċi għall-industrija tal-karozzi fil-pajjiż.
F’dan il-każ, qed jinstama’ l-appell ta’ żewġ Stati Ġermaniżi kontra d-digrieti ta’ qrati inferjuri li jissuġġerixxu li l-projbizzjoni għal vetturi li jaħdmu bid-diesel u li qegħdin jikkontribwixxu sewwa għat-tniġġis tal-ajru għandha tkun miżura effettiva li teħtieġ tkun ikkunsidrata bis-serjetà bħala protezzjoni għas-saħħa pubblika.
Filwaqt li l-Qorti Federali ma laħqitx tieħu deċiżjoni sal-ħin li morna għall-istampa, iċ-ċaħda tal-appell potenzjali kapaċi tfisser li għexieren ta’ bliet fil-Ġermanja ikollhom biss ftit xhur biex jattwaw il-miżuri biex jitneħħew il-vetturi tad-diesel li ‘jikkontribwixxu ħafna għat-tniġġis tal-ajru’ mit-toroq.
F’dan ix-xenarju għandu jirriżulta ‘ħmar il-lejl’ amministrattiv għall-awtoritajiet lokali, waqt li jieħdu daqqa ta’ ħarta kbira s-sewwieqa li xtraw il-karozzi bil-wiegħda li l-vetturi inkwistjoni jissodisfaw il-kriteri stabbiliti għall-emissjonijiet.
Il-każi tal-qorti oriġinali kienu tressqu minn attivisti favur l-ambjent li qegħdin jakkużaw lill-Gvern tal-Ġermanja b’li qed ipoġġi l-interessi tal-manifatturi tal-karozzi qabel is-saħħa tal-poplu.
Intant, il-projbizzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bid-diesel mill-ibliet mhux talli kapaċi tolqot ħażin lid-diversi manifatturi tal-karozzi , iżda anki ‘tipparalizza’ lill-kumpaniji tal-karozzi tal-linja, flimkien mas-servizzi għall-ġbir tal-iskart u l-bejjiegħa li jduru minn post għall-ieħor u li jiddependu ħafna fuq il-vetturi tad-diesel.


