Futbol Sport

LEAGUE CUP: Arsenal u Manchester City jiltaqgħu fil-finali f’Wembley

F’Novembru li għadda Man City għelbu lil Arsenal 3-1 f’konfront tal-Premiership

Nhar il-Ħadd fil-5.30pm Arsenal u Manchester City jiltaqgħu kontra xulxin fil-finali tal-Leage Cup. Iż-żewġ managers taż-żewġ timijiet se jippruvaw jirbħu dan l-unur għal raġunijiet partikolari.

Pep Guardiola, manager ta’ Manchester City se jipprova jirbaħ il-finali biex b’hekk jirbaħ l-ewwel unur tiegħu sa minn meta ilu jaħdem fl-Ingilterra filwaqt li l-League Cup hi proprju l-unika tazza li ma rebaħx fl-Ingilterra Arsene Wenger sa minn meta dan beda jmexxi lill-Gunners (1996).

L-aħħar darba li Arsenal waslu sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni kien fl-1993 filwaqt li sentejn ilu Manchester City rebħu dan l-unur meta fil-finali ta’ dakinhar għelbu lil Liverpool bil-penalties wara li l-konfront intemm fi draw ta’ 1-1.

Arsenal se jippruvaw jirbħu dan l-unur biex tal-anqas jikkonslaw b’dan l-unur hekk kif għal staġun ieħor dawn mhux qed jisfidaw għar-rebħ tal-Premiership. Attwalment jinsabu fis-sitt post u se tkun diffilċi anke għalihom biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League.

Minn naħa l-oħra Manchester City qegħdin b’id waħda fuq it-titlu hekk kif bħalissa qed igawdu vantaġġ ta’ 16-il punt fuq l-eqreb rivali tagħhom Manchester Utd.

Madankollu, nhar it-Tnejn li għadda, kontra kull mistenni dawn sfaw eliminati mill-ħames rawnd tal-FA Cup b’telfa ta’ 1-0 barra minn darhom kontra Wigan. Ta’ min jgħid li s-Citizens kellhom jilagħbu t-tieni taqsima kollha b’raġel inqas wara li tkeċċa Delph imma bla dubju dan ma jiġġustifikax il-fatt li dawn ġew eliminati kontra tim ferm inferjuri minnhom. B’din it-telfa Man City tilfu ċ-ċans li jirbħu l-‘Quadruple’.

Nhar il-Ħamis li għadda Arsenal tilfu 2-1 f’darhom kontra Ostersunds FK fit-tieni leg tal-fażi tal-aħħar 32 tal-Europa League imma xorta waħda għaddew b’aggregate ta’ 4-2.

Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika jinnota li Arsenal għandhom biċċa xogħol iebsa biex jirbħu kontra Man City. Mill-aħħar 11-il logħba li lagħbu kontra City fil-Premiership rebħu biss darbtejn. Fil-fatt, f’Novembru li għadda fl-Etihad Stadium Man City kienu ħarġu rebbieħa bi skor ta’ 3-1.

Biex kollox ikompli juri kemm se tkun biċċa xogħol iebsa biex jirbħu kontra Man City, l-istatistika tkompli turi li mill-aħħar 35 logħba fil-Premiership City tilfu biss darba, rebħu 29 u ġew draw ħames darbiet. Minn naħa tagħhom Arsenal rebħu biss darbtejn fl-aħħar 16-il logħba kontra l-‘akbar’ sitt timijiet fil-Premiership.

Iżda kull partitarju tal-futbol jaf li kull finali jaf toffri sorpriżi bħal ma fil-fatt seħħ ftit jiem ilu meta Man City ġew eliminati mill-FA Cup kontra tim li jilgħab f’League One.

Arsenal żgur jafu x’jiġifieri għax fl-2011 kienu għamluha sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni imma tilfuha kontra Brimingham.