Internazzjonali

Lejn laqgħa wiċċ imb wiċċ bejn Ivanka Trump u Ġeneral Korean komunista

Il-Presdient tal-Korea t'Isfel Moon Jae-In flimkien ma' Ivanka Trump fil-Palazz Presidenzjali f'Seoul, ftit wara l-wasla tagħha fil-Korea t'Isfel.

Ivanka Trump, it-tifla tal-President tal-Istati Uniti, għandha tiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ Ġeneral ewlieni tal-qawwiet tal-Korea ta’ Fuq komunista waqt iċ-ċerimonja għall-għeluq tal-Olimpjadi tax-Xitwa fi Pyeongchang, li għandha ssir fi tmiem il-ġimgħa.
L-Olimpjadi ta’ Pyeongchang, aktar milli avveniment sportiv, saru ‘ċentru għall-ġeopolitika’, fejn il-Korea ta’ Fuq qed tipprova turi ‘l-element pożittiv tagħha’ anki waqt li l-analisti jemmnu li dan hu parti mill-pjan ta’ Pyongyang ħalli jonqsu s-sanzjonijiet internazzjonali fuq l-Istat komunista.
Hemm ukoll indikazzjonijiet li l-Korea ta’ Fuq qed turi rieda għal ‘avviċinament’ mal-Korea t’Isfel bil-għan li ddgħajjef l-alleanza antika bejn il-Gvern f’Seoul u l-Istati Uniti.
Kim Yo Jong, oħt il-Mexxej tal-Korea komunista, kienet attendiet l-inawgurazzjoni tal-Olimpjadi tax-Xitwa, l-istess bħall-Viċi-President Amerikan, Mike Pence. Waqt iż-żjara, Kim Yo Jong kienet estendiet invit lill-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, biex jattendi summit fi Pyongyang.
Intant, il-White House f’Washington qal li l-President Amerikan, Donald Trump, talab lil Ivanka, bintu l-kbira li hi wkoll waħda mill-ogħla konsulenti tiegħu, biex tivvjaġġa lejn Pyeongchang bħala l-kap ta’ ‘delegazzjoni ta’ livell għoli’.
Ivanka Trump, negozjanta ta’ 36 sena, għandha tkun akkumpanjata mis-Segretarju Stampa tal-White House, Sarah Sanders, għal dan il-vjaġġ.
Fl-istess ħin, il-Korea komunista, fi tmiem il-ġimgħa, se tibgħat delegazzjoni ta’ tmien membri għaċ-ċerimonja għall-għeluq tal-Olimpjadi li se jmexxiha l-Ġeneral Kim Jong Chol.
Dan il-Ġeneral importanti qed jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet inter-Koreani għall-Partit Komunista (fil-Gvern) fi Pyongyang u l-preżenza tiegħu għall-għeluq tal-Olimpjadi titqies bħala ‘dimostrazzjoni ta’ kif il-Korea ta’ Fuq qed tevalwa l-effetti tas-sanzjonijiet imposti fuqha minħabba l-programmmi missilistiċi u għall-armi nukleari tagħha’.
Il-Ġeneral Chol jinsab fuq ‘lista sewda’ assoċjata mas-sanzjonijiet unilaterali tal-Korea f’Isfel kontra l-Korea ta’ Fuq u li jfisser li hu suġġett għal miżuri li jiffriżalu l-assi.
Dan minkejja li Chol ma jissemmiex fil-miżuri min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korea ta’ Fuq.