Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tal-lum.
L-imħabba għall-ambjent wassal lil Camilla Appelgren mill-Iżvezja biex twaqqaf il-grupp Malta Clean Up u llum qed tfittex għal voluntiera bi tħejjija għal avveniment nazzjonali f’April li ġej. Din is-sena din l-attività qed tara l-involviment ta’ kważi l-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex.
Fuq bosta gruppi fuq il-midja soċjali hija titkellem ħafna kif ftit ftit bdiet tnaddaf kull rokna tal-gżejjer Maltin, inkluż taħt il-baħar. Hija kontinwament kważi kull nhar ta’ Ħadd flimkien mal-grupp tagħha qed imorru ġo zona ta’ lokal kwalunkwè u jagħmlu clean-up tal-bnadi li jkunu jinsabu fihom.
Camilla Appelgren ilha tgħix Malta sebgħa snin u daqshekk ilha impenjata f’kampanji ta’ tindif madwar il-gżejjer Maltin, kemm fuq l-art u saħansitra taħt il-baħar. Camilla, Żvediża li taħdem fil-qasam tal-iGaming tagħmel dan fil-ħin liberu tagħha u fl-aħħar snin irnexxielha tħajjar lill-mijiet ta’ nies biex jagħmlu l-parti tagħhom.
Hija organizzat l-ewwel attività ta’ tindif fl-2012 u minn dakinhar baqgħet torganizza dawn l-attivitajiet maż-żewġ uliedha . Camilla waqqfet il-grupp Malta Clean Up u llum ingħaqdu magħhom ma’ aktar minn 4,000 persuna fi grupp fuq Facebook biex ikomplu jkabbru l-ħarsien u l-imħabba lejn l-ambjent nadif u mhux mittiefes.
Il-Malta Clean Up ilhom minn tmien is-sena l-oħra ilhom jaħdmu għal attività ta’ tindif bl-isem Malta Clean Up Żommha Sabiħa li se ssir f’April li ġej, il-Ħadd 22 – Jum id-Dinja. Dan se jkun bis-sehem tal-Kunsilli Lokali, il-Forzi Armati ta’ Malta u għaqdiet oħra non-governattivi.
Mal-476 attività ta’ tindif fl-istess ħin taħt attività waħda
Madanakollu wara din l-attività li ġa hija mdaqqsa, il-grupp Malta Clean Up qed iħares ‘il quddiem lejn attività oħra u akbar. Din l-attiivtà se tkun minn JCI Malta. Camilla hawn tittama li 5%, 22,000 tal-popolazzjoni ta’ Malta xxammar il-kmiem u tieħu sehem f’dan l-avveniment.
Din l-attività se ssir fil-15 ta’ Settembru 2018. Camilla qalet li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu – żgħira kemm hi żgħira – flimkien tinħoloq xi ħaġa kbira. Hija infatti tittama li din l-attività, flimkien ma’ JCI Malta mmexxija minn Valeria Lvova tkun waħda suċċess u li n-nies jagħtu daqqa t’id xierqa biex jmexxu l-kelma u jgħinu f’attività bħal din.
Aktar dettalji dwar din l-attività tistgħu ssibuha fuq il-paġna fuq Facebook Let’s Do It! Malta.
“Ħafna Ħdud fil-kampanja nnaddfu l-ambjent sabiħ Malti”
Għaqdiet ambjentali oħra bħal dik Żibel flimkien ma’ oħrajn inkluż il-Malta Clean Up, qed jingħaqdu ta’ kull ġimgħa biex inaddfu xi zona partikolari f’lokal. L-aktar li spikkaw fl-aħħar ġranet huma dik li saret fil-Foss ta’ qrib il-Masġar tal-Ġublew fil-Floriana, fejn instabu 667 siringa u dik f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ, fejn hemm minbarra numru kbir ta’ skart li nstab mitluq, instabu wkoll għadam ta’ żiemel mormija.
Għall-attivatijiet bħal dawn Camilla qalet li huwa kruċjali li jużaw ingwanti xieraq u jkollhom l-għodda meħtieġa biex żgur ma jpoġġu lilhom infushom fl-ebda riskju.
L-iskart riċiklat naqas bi ftit aktar minn 40% fl-2016.
Il-Ġimgħa l-oħra Statistika ppubblikata mill-NSO dwar kif ir-riċiklaġġ tal-iskart naqas b’40% matul is-sena 2016. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista saħaq li fuq aspett ambjentali hemm nuqqas ta’ rieda u l-inkompetenza min-naħa tal-Gvern biex jitratta b’mod serju l-qasam ambjentali, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart.
Il-PN qal li din l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern tista’ twassal biex l-engineered landfills jintlew aktar malajr milli kif oriġinarjament ippjanat. Flok jintużaw ir-riżorsi kollha fl-aħjar mod u bl-akbar ħarsien tal-ambjent, din in-nuqqas ta’ rieda se tintuża bħala skuża biex isir l-inċineratur fl-Għallis, kif diġà ġie mwiegħed. B’hekk it-tniġġis se u qed ikompli jiżdied bil-poplu Malta jibqa’ jkun il-vittma t’ambjent mhux nadif grazzi għan-nuqqas ta’ rieda minn dawk li suppost għandhom ikunu l-pilastri ewlenija li jħarsu l-ambjent Malti.
Minn din l-istatistika jidher li r-riċiklaġġ f’pajjiżna flok żied fil-popularità, naqas bi kważi 7%.
F’attività politika fiż-Żejtun, il-Kap tal-PN Adrian Delia, tkellem ukoll fuq l-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel u kif il-Gvern Laburista jrid jeqred 120,000 metru kwadru ta’ art. Żvilupp f’art agrikola.
Adrian Delia qal li anke f’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi tan-nies u se jiddefendi biss l-interessi tal-komunità taż-Zejtun u l-ambjent Malti. Qabel id-djalogu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar il-post fejn il-gvern irid jeqred 120,000 metru kwadru ta’ art. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies u li se jibqa’ jħares il-ġejjien ta’ uliedna biex ikollhom Malta b’ambjent mistħoqq.
Għal dawk kollha li jixtiequ jgħinu f’dawn l-attivitajiet ta’ tindif jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Malta Clean Up permezz tal-grupp tagħhom fuq Facebook. L-istess grupp qal li jekk kull min huwa interessat jipprova jġib persuna oħra miegħu biex jgħin f’dawn l-attivtajiet din l-attività faċli tkun waħda t’aktar suċċess.
//= $special ?>