Illum il-mexxejja tal-UE qed jiltaqgħu fi Brussell biex jinnegozjaw il-Budget li jmiss tal-UE.
Fost tħassib kbir illi Malta se tara tnaqqis fil-pakkett li normalment kienet tieħu, hemm ukoll nuqqas ta’ qbil fost il-mexxejja Ewropej – partikolarment il-blokk tal-pajjiżi tal-Lvant li qed jirreżistu manuvri mill-Ġermanja.
Qalb din it-tensjoni kollha, diversi għaqdiet Ewropej ħadu sehem f’dimostrazzjoni biex isejħu għal aktar fondi ħalli tkun imħarsa u mtejba l-bijodiversità.
Il-konservazzjoni tan-natura hija assenti għal kollox mid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa u l-Budget tal-UE.
Fi stqarrija, BirdLife Europe sejħet lill-kapijiet tal-gvern u stat miġbura għat-taħditiet biex jiksru ‘Is-Silenzju tal-Mexxejja’ (Silence of the Leaders).
Waqt li fil-bini tal-Kunsill Ewropew kienu għaddejjin id-diskussjonijiet, id-dimostranti nġabru tul Rue de la Loi fil-qrib lebsin maskri bl-uċuh tal-mexxejja differenti tal-Unjoni Ewropea ispirati mill-film ‘Silence of the Lambs’.
Waqt li fakkret fil-Miri Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u kif l-UE kienet iddikjarat li taqbel magħhom, BirdLife Europe – bl-appoġġ ta’ 132 organizzazzjoni oħra fosthom BirdLife Malta u numru ta’ eNGOs oħra Maltin – sejħet biex il-kliem fieragħ jinbidel f’azzjonijiet konkreti fil-Budget tal-UE bil-messaġġ: “Ikser ‘Is-Silenzju tal-Mexxejja’.
//= $special ?>