Qed tiżviluppa sitwazzjoni skomda oħra għall-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, hekk kif partitarji tiegħu qed jgħaddu kummenti dispreġġjattivi dwar saħħet l-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna.
Kummenti fil-grupp sigriet “Laburisti Magħqudin”, u li ‘screenshots’ tagħhom qed iduru fuq il-media soċjali, juru kif minkejja l-awguri tal-Prim Ministru u tat-tmexxija Laburista għall-fejqan ta’ malajr, il-partitarji Laburisti m’humiex tal-istess idea.
Fil-fatt, fil-grupp sigriet fuq Facebook, partitarji differenti qalu li b’dak li ġralu “laħqu Alla” jew li “qed taraw Alla kemm hu kbir … dak biex jiġix ‘l hawn għax jaf li hawn ħsara biss jagħmel”.
Oħrajn kitbu li “ħasra li (l-Arċisqof) ma jibqax hemm, kemm m’għandix demm miegħu” u li “mhux għax nixtieqlek id-deni, imma ma nistax ma ngħidx j’Alla l-ġid forsi xi darba jitgħallem”.
Partitarju partikolari staqsa jekk Monsinjur Scicluna hux se jibqa’ ħalqu magħluq jekk issa jistrajkjaw it-Tobba. Mhux ċar f’liema kuntest kien dan il-messaġġ, hekk kif l-Arċisqof qed jingħata l-kura fiċ-Ċili, filwaqt li l-Gvern Laburista qed jibqa’ jiċħad titjib fil-kundizzjonijiet tat-Tobba f’Malta.
Iżda fuq kollox, jispikka kumment ta’ partitarji ieħor li talab biex “forsi ineħħulu l-intern ħażin”, b’ieħor ifakkar li Monsinjur Scicluna “appoġġja lis-Saħħara fuq il-Laburisti”. L-użu ta’ dak il-laqam intuża’ kemm-il darba minn partitarji Laburisti fil-konfront tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nqatlet f’karozza-bomba f’Ottubru li għadda. U saħansitra, xi ħadd ieħor ‘awguralu’ “Buon viaggio”.
Persuna ta’ twemmin Laburista li tkellmet ma’ NET News qalet li hekk kif dawn l-i’screenshots’ qed jiċċirkolaw sew fuq il-media soċjali, wieħed jistenna xi forma ta’ kundanna mill-Mexxej Laburista jew minn xi Uffiċjal ieħor tal-Partit. Dan meta ħadd m’għandu jieħu gost bl-ebda problemi ta’ saħħa li persuna tista’ tiltaqa’ magħha.
Il-kummenti qed ifakkru lil ħafna f’kummenti simili li Glenn Bedingfield, id-Deputat Laburista u Konsulent ta’ Muscat f’Kastilja, kien għadda fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami meta kien żar l-Ingilterra għall-kura kontra l-marda tal-kanċer.
Agħfas fuq l-istampi ta’ hawn taħt biex taqra l-kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-Arċisqof: