17-il għaqda mhux governattiva, ingħaqdu flimkien biex fasslu proposti għal regolamentazzjoni fis-suq tal-kera. Din hi koalizzjoni li qed issostni li f’pajjiżna m’hawn l-ebda forma ta’ regolamentazzjoni fis-suq tal-kera u li s-suq miexi fuq il-liġi tal-ġungla.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjegaw id-dokument bil-proposti, saħqu li s-sitwazzjoni preżenti f’dan is-suq qed twassal biex ħafna inkwilini qed jgħixu ħajja prekarja. Dan minħabba l-prezzijiet għoljin immens li dejjem qed jibqgħu jogħlew. Dan minbarra li żgħażagħ li waslu biex jixtru post qed isibu ma’ wiċċhom prezzijiet għoljin mmens u b’hekk il-piż finanzjarju għal għomorhom, għaliex iridu jisselfu mill-bank, ikun ikbar. Hemm każi fejn żgħażagħ ikollhom jikru għaliex il-prezz tal-propjetà jkun ogħli wisq biex jixtru.
Spjega dan Andre Callus, mill-Moviment Graffiti. Fost il-propoti hemm dik li jkun hemm sistema ta’ tassazzjoni li tħajjar kirjiet fit-tul permezz ta’ rati aktar baxxi għal kirjiet fit-tul; ħolqien ta’ reġistru tal-istat tal-propjetajiet li hemm fis-suq tal-kera; u taxxa fuq propjetà vojta li tista’ tinkera sabiex jiġu evitati kirjiet fuq il-‘black market’ u jiżdied l-ammont ta’ propjetajiet għall-kiri.
Qed jiġi propost ukoll li jkun hemm diskussjni dwar il-possibilità li s-sid ma jkunx jista’ jżid il-prezz tal-kera kull sena waqt iż-żmien tal-kuntratt b’perċentwal li jkun akbar miż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Proposta oħra hija biex ikun hemm reġistrazzjoni ta’ propjetajiet li qegħdin għall-kera, fejn l-ewwel prezz li jiġi mniżżel fl-ewwel kuntratt ikun meqjus bħala l-prezz tal-bidu.
L-NGOs li ngħaqdu flimkien huma; Moviment Graffitti, Alleanza Kontra il-Faqar, Forum Komunita’ Bormliża, Malta Tenant Support, Malta Humanists Association, The Millennium Chapel, Żminijietna – Voice of the Left, aditus Foundation, Malta Gay Rights Movement, The Critical Institute, Spark 15, Mid-Dlam għad-Dawl, Women’s Rights Foundation, African Media Association Malta, Koperattiva Kummerċ Ġust, Integra Foundation u Third World Group Malta.
//= $special ?>