Lokali

“Aħna insultati. Niksbu l-fondi u nagħmlu riċerka – imbagħad jirredikolawna”

Il-letturi tal-MCAST waqt l-istrajk
Il-letturi tal-MCAST jitkellmu dwar is-sitwazzjoni preżenti

L-akkademiċi li jaħdmu fl-MCAST jinsabu urtati, hekk kif minkejja li saru avvanzi fil-kurrikulum akkademiku tal-korsijiet li qed jiġu offruti, il-kundizzjonijiet tagħhom baqgħu l-istess. NET News tkellem ma’ wħud minn dawn il-letturi li

Illum il-ġurnata, l-MCAST saret toffri varjeta’ ta’ korsijiet terzjarji f’livelli ta’ Degrees u Masters – u għaldaqstant l-MCAST għandha l-vantaġġ li l-letturi tagħha huma ikkwalifikati, u għandhom esperjenza vasta fis-settur li fih jgħallmu, ħafna drabi għaliex ikunu ġejjin minn dawn is-setturi vasti u għandhom snin ta’ esperjenza warajhom.

Dawn is-sittax-il sena ta’ suċċessi minn meta l-MCAST fetħet fl-2001, hu mibni fuq id-dedikazzjoni u l-professjonalita’ tal-letturi tagħha li juri kif l-akkademiċi tagħha jagħmlu mill-aħjar tagħhom biex l-istudenti jkunu ppreparati għad-dinja tax-xogħol. Fl-MCAST hemm numru ta’ akkademiċi li huma gradwati bid-dottorat li jagħmlu riċerka mill-inizjattiva tagħhhom stess, dan filwaqt li jieħdu sehem fi proġetti internazzjonali u saħansitra jirbħu fondi internazzjonali li bihom ikun jista’ jsir riċerka ta’ livell għoli fl-MCAST.

Uħud mill-messaġġi tal-letturi tal-MCAST

Dawn il-proġetti li jinkisbu mill-inzijattiva tal-letturi saħansitra jimpjegaw nies u jsiru riċerki li jiġu ppubblikati f’ġurnali ta’ livell għoli internazzjonali. L-istudenti fl-MCAST ukoll igawdu minn dawn l-opportunitajiet, dan hekk kif jingħataw esperjenzi ta’ taħriġ u involviment fir-riċerka li ma setax isir kieku ma kinitix għall-inizjattiva tal-letturi.

Meta l-Union tal-Għalliema (MUT) talbet biex fl-MCAST ikun hemm pożizzjonijiet ta’ professuri li jirriflettu l-livell terzjarju li daħal fih l-MCAST, l-amministrazzjoni irrifjutat mal-ewwel. Madanakollu, l-MUT xorta waħda baqgħet tinsisti – l-MCAST offriet nofs miżura, billi jinħoloq grad ta’ Senior Lecturer and Researcher, li jingħata inqas minn €400 żieda f’sena mill-grad massimu li diġa’ jeżisti, dak ta’ Senior Lecturer 2. NET News tkellem ma’ wħud minn dawn l-għalliema li stqarru li għalihom hu insult.

“Dan għalina huwa insult, għax wara l-inizjattiva li qed nieħdu, inġibu fondi għall-MCAST, nimpjegaw lin-nies u kultant studenti gradwati tagħna stess, u anki ngħollu l-isem tal-MCAST f’livell internazzjonali – u minfuq niġu irredikolati billi joffrulna €400 biss iktar fis-sena”, tenna dan il-lettur mill-MCAST.

Fir-rigward tal-proposta li ingħatat mill-ammistrazzjoni tal-MCAST, il-letturi tennew li b’din l-offerta insultanti xorta jiġu eluf ta’ ewro inqas minn Senior Lecturer 2 fil-Junior College li jgħallem fir-4 livell, u inqas minn Assistent Lecturer fl-Universita’ ta’ Malta bl-allowances kollha f’daqqa.