Transport Malta ħabbret li fil-jiem li ġejjin se jinfetħu għadd ta’ korsiji temporanji u rotot alternattivi fl-inħawi ta’ Triq Aldo Moro għat-traffiku waqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tal-Marsa Junction.
Miżura waħda hija l-ftuħ tal-korsiji li kienu ddedikati għall-karozzi tal-linja (bus lanes) għall-vetturi kollha. Fl-istess waqt, dawk li jkunu għaddejjin minn Triq Giuseppe Garibaldi għal Triq Aldo Moro, fid-direzzjoni tal-Marsa, Ħal Qormi, il-Belt jew lokalitajiet oħra se jkollhom żewġ rotot alternattivi ġodda.
Minn Triq Garibaldi se tkun tista’ tagħżel korsija ġdida li twasslek mill-ewwel fi Triq Aldo Moro, jew taqbad rotta alternattiva mill-Marsa Industrial Estate, li ser tkun immarkata b’tabelli apposta. Din ir-rotta tista’ tintuża biex tasal fi Triq Aldo Moro jew anke biex tibqa’ sejjer lejn Ħal Qormi direttament.
L-istqarrija tgħid ukoll minflok waħda mill-fabbriki li twaqqgħet fl-ewwel fażi tal-proġett, qed jitlestew għadd ta’ korsiji ġodda oħra li permezz tagħhom se titneħħa d-diffikultà biex toħroġ minn Triq il-Gvern Lokali lejn Triq Aldo Moro, biswit l-Istamperija tal-Gvern.
Hekk kif jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri temporanji, Triq il-Gvern Lokali, li bħalissa tgħaqqad Triq Giuseppe Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro, se tingħalaq biex fiha l-ħaddiema jkunu jistgħu jibnu uħud mit-toroq ġodda u strutturi oħra taħt l-art, bħala parti mit-tieni fażi tal-proġett tal-Marsa Junction, proġett li qed isir f’miljuni ta’ Ewro minn fondi li kienu diġà akkwistati għal pajjiżna mill-Unjoni Ewropea.
It-Triq matul Baċir Numru 7, minn Kordin lejn il-Marsa, tinsab miftuħa wkoll bħala rotta alternattiva, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, kull filgħodu bejn is-06:30 u d-09:30 ta’ filgħodu.
//= $special ?>