Aktar minn tletin familja ma jistawx jidħlu fid-djar tagħhom mill-bieb ta’ quddiem – dan minħabba li xogħol li kien qiegħed isir f’Pembroke waqaf ħesrem mill-bidu ta’ dan ix-xahar.
Wara x-xita li ħakmet il-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem – dawn ir-residenti kellhom jużaw l-entratura tal-garaxxijiet biex jidħlu fid-djar tagħhom. Dan minkejja li dawn l-istess garaxxijiet jinsabu f’niżla u hemm ukoll daħal ammont konserevoli ta’ ilma.
Jidher li x-xogħolijiet waqfu wara ftit li jiem li kienu bdew – u fuq il-post għad hemm makkinarju. Net News tkellem ma’ residenti fiż-żona, fejn qalulna li l-aħħar ġurnata li sar xogħol fuq il-proġett f’Pembroke kien fit-8 ta’ Frar fejn ħaddiema tefgħu żrar u ramel. Madanakollu, wara l-ammont ta’ xita li niżlet – dan illum sar tajn.
Din il-problema ilha għaddejja għal xhur, fejn ir-residenti kienu heddew li jieħdu azzjoni legali kontra l-Gvern hekk kif iż-żona tħalliet fi stat perikoluż. Madanakollu, issa r-residenti jinsabu inkwetati minħabba li jekk kollox jitħalla nofs leħja, dan jista’ jħalli ħsara fil-pedamenti tal-binja u anke l-garaxxijiet li jinsabu taħt il-bini tal-appartamenti.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>