Ngħożżu dak li hu sabiħ u tajjeb hu l-messaġġ ewlieni tal-Ittra Pastorali għar-Randan ta’ din is-sena, ittra miktuba mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, li se tkun qed tinqara fil-Knejjes illejla u għada.
Ta’ kull sena, fit-Tieni Ħadd tar-Randan, il-Knisja tlaqqagħna mal-esperjenza ta’ Ġesù u tliet dixxipli magħżula minnu, fuq muntanja għolja. Din insejħulha l-esperjenza tat-Trasfigurazzjoni.
Fl-ittra jingħad li fit-talb tal-Knisja, l-esperjenza tat-Trasfigurazzjoni hija esperjenza li mill-qalb tad-dixxipli tegħleb il-biża’ u l-iskandlu tas-salib. Fl-esperjenza ta’ talb fuq il-muntanja, Ġesù jidher fis-sbuħija kollha tiegħu, fis-sebħ tiegħu bħala l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Fuq l-għolja tat-Tabor, Ġesù jsir ir-Ragħaj it-Tajjeb li jiġbed lill-ġnus lejh minħabba s-sbuħija intima tiegħu.
Din is-sena l-isqfijiet qed jistiednu lil dawk membri tal-poplu ta’ Alla biex fid-dawl tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, jixtarru s-sejħa li għandhom biex jgħixu ħajja tajba u sabiħa. Hu f’dan id-dawl li aħna nħarsu wkoll lejn din is-sena meta l-Belt Valletta hija Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hi sejħa għalina biex ngħożżu s-sabiħ u t-tajjeb, tgħid l-ittra pastorali.
Fl-ittra huma jitkellmu dwar is-sbuħija straordinarja ta’ Ġesù ,is-sejħa biex inkunu wlied id-dawl u l-istedina biex nisimgħu u ngħixu l-Kelma ta’ Alla.
Fl-ittra Pasttorali tar-Randan, l-Isqfijiet itemmu bl-appell biex aħna u nixxenqu biex fl-Għid niċċelebraw il-liturġija li tfakkarna fil-Magħmudija tagħna u f’din il-vokazzjoni li nkunu wlied id-dawl, nitolbu biex l-Insara jkunu l-preżenza li ġġib lil kulħadd l-aħbar it-tajba u l-aħbar is-sabiħa ta’ Ġesù.
//= $special ?>