Futbol Sport

FILMAT: Tarxien ifallu ċans biex joħorġu miż-żona l-ħamra

Kilan Ameli (xellug) fi dwell biex jirbaħ il-ballun flimkien ma’ Ricardo Faria (Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Keane Cutajar

SLIEMA W………………..1

TARXIEN R………………1

Sliema: A. Cotticelli, K. Ameli (R. Spiteri 80’), M. Muchardi, F. Temile, N. Milincenau, E. Agius (M. Sansone 90’), J. Pearson, P. Xuereb (F. Qeros 60’), R. Calisto, J. Mintoff.

Tarxien: A. Cassar, S. Randanovic, E. Baker, G. Aquilina, A. Agius (M. Spiteri 88’), L. Grech, A. Scicluna, S. Tounkara, W. Viera (D. Matar 82’), E. Calin, R. Faria

Imwissija: R. Calisto 52’, L. Grech 63’, A. Scicluna 66’, E. Calin 90’ (T)

Skorjaw: N. Milincenau 26’ (S) G. Aquilina 29’ (T)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Theodore Zammit

Il-Mument Plejer tal-Logħba: Antonio Cotticelli (Sliema Wanderers)

Attendenza: 375

Bilanċ assolut fl-azzjonijiet wassal għal partita li meritatament spiċċat fi draw. Tarxien fallew milli joħorġu miż-żona l-ħamra tal-klassifika, hekk kif kieku ħadu t-tliet punti huma kienu jaqbżu lil Naxxar u lil St. Andrews, biex issa b’hekk jibqgħu fil-pożizzjoni ta’ qabel tal-aħħar.

Fuq in-naħa l-oħra Sliema baqgħu b’kumdità f’nofs il-klassifika bl-iskop tagħhom issa żgur ikunu fuq l-FA Trophy. Mal-ewwel ħdax ta’ Sliema, John Buttigieg għażel li jagħti d-debutt lil Antonio Cotticelli bejn il-lasta kif ukoll beda Kilan Ameli mal-linji wara presazzjonijiet tajba li dan tal-aħħar kellu fl-aħħar partiti meta daħal bħala sostitut.

Minn naħa l-oħra Jose Borg beda fin-nofs b’Gabriel Aquilina li għadu kemm ġie misluf lilhom mingħand l-istess avversarji tal-ġurnata. Interessanti l-fatt li fuq il-bankina taż-żewġ timijiet, l-età medja kienet dik ta’ 20 sena.

Sliema Wandereres marru minn fuq fl-ewwel azzjoni denja tal-partita meta Frank Temile għadda lejn Nikolae MILINCENAU li żamm kalm dar ma’ Andrea Cassar qabel xeħet fix-xibka. Għaddew biss tliet minuti u Tarxien ġabu d-draw. Inċidentalment kien il-plejer ta’ Sliema stess, bħalissa misluf lir-Rainbows, Gabriel AQUILINA li fit-tieni tenttativ tiegħu fl-istess azzjoni tefa’ ġewwa.

Appena qabżu nofs siegħa logħob Tarxien rebħu penalty meta Ishmael Barbara saffar għal penalty wara li John Mintoff mess il-ballun b’idu. Antonio Cotticeli għamel dak li probabbli ħolom li jagħmel fid-debutt mal-Wanderers u dawwar il-penalty ta’ Ricardo Faria f’korner. Fis-37 minuta l-gowlkiper ta’ Sliema salva tajjeb it-tentattiv ċentrali ta’ Tarxien minn pożizzjoni angolata barra l-kaxxa.

It-tieni taqsima fetħet b’azzjoni personali ta’ Temile li wara li għadda tajjeb u għamel spazju għax-xutt, spara għoli. Tarxien irrispondew immedjatament b’xutt ta’ Aquilina li ukoll għadda minn fuq il-mimduda. Ir-Rainbows reġgħu impenjaw lill-gowlkiper ta’ Sliema din id-darba wara li korner tas-solitu Eduard Calin wasal għand Ebiabowei Baker li kellu t-tentattiv bir-ras mblukkat minn Cotticelli qabel rebħu korner ieħor mir-rebawnd.

Il-Wanderers irrispondew fl-64 minuta minn free-kick ta’ Ricardo Correa li mal-ewwel daqqa t’għajn deher għal ġewwa iżda b’xi mod il-ballun ma’ daħalx u it-tim ta’ Jose Borg ħelisha ħafif. Tliet minuti wara, Sliema reġgħu kienu żvinturati meta kien id-difensur żagħżugħ tagħhom Kurt Shaw li laqat il-lasta bir-ras wara free-kick insidjuż.

Hekk kif kien ilu biss ftit sekondi fil-grawnd, bl-ewwel darba li miss il-ballun, Ryan Spiteri għal ftit ma skorjax il-gowl tar-rebħa iżda sab lil Cassar attent li ġġebbed biex salva. L-awtur tal-ewwel gowl resaq viċin fid-89 minuta wara azzjoni personali iżda xxutja ċentrali u ma ħoloq l-ebda problemi għal Cassar.