Internazzjonali

Ġerusalemm: It-Turkija twissi dwar il-ftuh ta’ ambaxxata Amerikana

It-Turkija qed issostni li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex, f’Mejju li ġej, tiftaħ ambaxxata f’Ġerusalemm mhux talli injorat il-pożizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika iżda wriet ukoll li l-Amerikani ‘iridu jgħarrqu l-inizjattiva għall-paċi’ fil-Lvant Nofsani.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Tork sostna li d-deċiżjoni tal-Amerikani ‘dwar Ġerusalemm’ hi waħda inkwetanti. Dan wara li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan sostna li għandu jiftaħ l-ambaxxata ( f’Ġerusalemm) fix-xahar speċifiku, bil-għan li l-avveniment jaħbat mas-70 anniversarju ta’ Iżrael.

F’Diċembru li għadda, il-President Tork Recep Tayyip Erdogan kien laqqa’ summit tal-Organizzazzjoni għall-Koopearzzjoni Ekonomika, li hi magħmulha minn aktar minn 50 pajjiż, f’Istanbul. Dakinar, il-Mexxejja Musulmani kienu kundannaw id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tirrikonoxxi Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael.