Internazzjonali

Jaqtgħu l-irbit ma’ assoċjazzjoni tal-armi wara qtil fi skola tal-Istati Uniti

Diversi kumpanniji fl-Istati Uniti qatgħu l-irbit man-National Rifle Association (NRA) fost is-sejħiet biex in-negozji konnessi mal-assoċjazzjoni influwenti jispiċċaw suġġetti għal bojkott. L-inizjattiva qed issir meta l-Amerikani qed isejħu għal aktar kontrolli effettivi għall-armi tan-nar wara l-qtil ta’ 17 il-persuna – fil-parti kbira studenti – fi skola għolja ta’ Florida u li seħħ taħt idejn eksstudent li kien armat sa snienu.

Il-Gvernatur Repubblikan ta’ Florida, Rick Scott, sadanittant, qed jappoġġja s-sejħiet biex l-età minima għal xiri tal-armi tiżdied minn 18 sa 21 sena. Dan meta Scott, sa ftit ilu, kien meqjus bħala ‘alleat’ tal-NRA wara li hu, qabel, kien oppona għal regoli aktar stretti dwar l-armi fl-Istat tiegħu.

Madankollu, Scott spiċċa taħt pressjoni kbira biex jieħu deċiżjoni ‘determinanti’, wara li l-istudenti li għexu mill-imsemmija sparatura fil-Marjory Stoneman Douglas High School insistew ħalli l-awtoritajiet jieħdu l-passi bil-għan li jevitaw traġedji ta’ dan it-tip.

Mindu ż-żgħażugħ, Nikolas Cruz, wettaq il-massakru f’dik l-iskola waqt Jum San Valentinu, l-attivisti żiedu l-pressjoni fuq l-NRA permezz ta’ inizjattivi għall-bojkott ta’ kumpanniji li joffru l-iskonti u benefiċċji oħra lill-membri ta’ dik l-assoċjazzjoni tal-armi. Dan waqt li, fl-aħħar jiem, diversi kumpanniji ‘iddisassoċjaw ruħhom’ mill-NRA.

Sadanittant, l-NRA, li tgħid li għandha mal-ħames miljun membru, ma weġbitx għal talba biex tikkummenta dwar l-effett tal-bojkott. L-assoċjazzjoni ddefendiet lilha nnfisha b’messaġġ fuq Twitter fejn qalet li ‘dawk kollha li huma ddispjaċuti dwar il-qtil fl-iskola jmisshom jikkonċentraw fuq in-nuqqasijiet tal-aġenziji għall-infurzar tal-liġi.’