Lokali

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar: Il-Gvern jaċċetta r-raġun li l-Partit Nazzjonalista rebaħ bil-Qorti

"Il-PN issa huwa f'pożizzjoni li jersaq mal-mejda biex dan il-każ jingħalaq darba għal dejjem"

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jilqa’ b’sodisfazzjon l-istqarrija tal-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali ftit tal-ħin, fejn qal li se jsegwi d-deċiżjoni tal-Qorti favur il-Partit Nazzjoanlista aktar kmieni dan ix-xahar wara mandat ta’ inibizzjoni mressaq mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.

Il-Qorti qalet bl-aktar mod ċar li s-Sindku u l-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar għandhom ikunu magħżula skont r-rieda tal-maġġoranza tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar kif espress fl-elezzjoni lokali tal-2015.

Il-Partit Nazzjonalista ilu xaharejn u nofs jissielet biex ma jippermettix lill-Kunsilliera tal-Partit Laburista li jaħtfu dak li mhux tagħhom billi jiksru r-rieda tal-poplu u jiksru l-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista qal li għalhekk, ġaladarba li l-Gvern qiegħed issa jaqbel fuq dan il-punt ta’ prinċipju, il-Partit Nazzjonalista huwa f’pożizzjoni li jersaq mal-mejda sabiex dan il-każ jingħalaq darba għal dejjem u fl-aħjar interess tar-residenti u tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Partit Nazzjonalista ilu xahrejn u nofs jipproteġi l-interessi tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar, partikolarment bis-sehem tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u tal-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar.