Waqt li bħal dan iż-żmien ħames snin, Lawrence Gonzi kien għadu kif wettaq l-aħħar att tiegħu bħala Prim Ministru – li jikseb għal Malta €1.2 biljun fondi Ewropej – il-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fl-aħħar post tat-28 pajjiż membru tal-UE għal dak li hu nfiq mill-fondi allokati lil pajjiżna.
Iċ-ċifri li għadha kemm ħarġet il-Kummissjoni Ewropea juru li sal-aħħar tal-2017, Malta kienet nefqet biss 8 fil-mija mill-fondi allokati lilha għall-perjodu 2014-2020. Flimkien ma’ Malta bl-inqas infiq hemm l-Italja, il-Kroazja u Spanja.
Xi rapporti fil-gazzetti Taljani kienu jirreferu għall-maglia nera, jiġifieri fl-aħħar post, ta’ pajjiżhom f’din il-klassifika ta’ nfiq mill-fondi Ewropej.
Din il-klassifika negattiva ta’ Malta ġiet filwaqt li Joseph Muscat wara l-aħħar elezzjoni kompla ħabbar il-kabinett ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari, li diġà kien kiser ir-rekord għall-akbar Kabinett wara l-elezzjoni tal-2013. Illum b’25 Ministru u Segretarju Parlamentari, il-Gvern Laburista ma kienx kapaċi jonfoq aktar minn 8 fil-mija tal-flus li l-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi ġab għal Malta minkejja l-ostakli kollha ta’ Joseph Muscat u l-partit tiegħu.
Grafika li turi l-allokazzjoni tal-fondi mill-Baġit tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi membri. Il-linja s-safra turi kemm nefaq kull pajjiż mill-flus allokati lilu.
//= $special ?>