Knisja Lokali

Monsinjur Għawdxi msemmi għal kariga għolja mill-Vatikan

Il-ġimgħa d-dieħla, Mons Alfred Xuereb mistenni jieħu l-kariga ta' nunzju appolistiku fil-Korea t'Isfel

Rapporti fil-media internazzjonali żvelaw li Monsinjur Alfred Xuereb hu msemmi biex jingħata kariga għolja bħala nunzju għall-Papa fil-kapitali tal-Korea t’Isfel, f’Seoul.

Fil-preżent, Monsinjur Alfred Xuereb diġa’ għandu kariga għolja fil-Vatikan, fejn ilu s-snin jaħdem bħala Segretarju Ġenerali għas-Segretarjat għall-Ekonomija mmexxija mill-kardinal George Pell.

Monsinjur Alfred Xuereb twieled fir-Rabat Għawdex fl-14 ta’ Ottubru 1958. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija Kattolika f’Malta fejn ġie ordnat saċerdot fl-1984. Wara studja fil-Teoloġija Pontifikali fil-Fakulta’ Teresianum fejn kiseb id-dottorat fit-Teoloġija fejn speċjalizza fl-ispirtwalita’. Skont dawn ir-rapporti, il-ġimgħa d-dieħla l-Papa Franġisku se jinnomina żewġ nunzji appostoliċi ġodda – b’wieħed minnhom ikun il-Malti li se jservi bħala ambaxxatur tal-Papa fil-Korea t’Isfel.

Rapporti oħra fuq il-media internazzjonali, iżda dawn għadhom mhux konfermati, isemmu Malti ieħor li possibilment jingħata kariga għolja wkoll mill-Vatikan. Monsinjur Antoine Camilleri jista’ jkun destinat li jilħaq nunzju f’Singapore.