Lokali

Priġunier isawwat Uffiċjal tal-Ħabs u jheddu b’xafra

Is-sitwazzjoni fil-ħabs tkompli tiggrava

Inqas minn 24 siegħa wara r-rejd li sar minn Pulizija pajżana fil-Ħabs, seħħew mumenti ta’ tensjoni f’Diviżjoni Sitta meta waqt ġlieda bejn xi priġunieri, Uffiċjal tal-Ħabs ipprova jintervjeni iżda spiċċa kien hu li safa aggredit u msawwat minn wieħed mill-priġunieri tant li heddu wkoll b’xafra li ħareġ apposta għalih u beżaqlu f’wiċċu. Żvelat dan il-gazzetta In-Nazzjon fil-ħarġa tal-lum.

Dan l-inċident seħħ nhar il-Ħamis kmieni waranofsinhar meta xi priġunieri ta’ Diviżjoni Sitta kellhom argument bejniethom li spiċċa biex kiber u żviluppa fi ġlieda bl-idejn bejn l-istess priġunieri involuti fl-argument.

Uffiċjal tal-Ħabs li kien għassa ma’ dawn il-priġunieri intervjena mill-ewwel biex ma jħallix il-ġlieda tkompli tikber u meta f’mument minnhom kienn qiegħed idaħħal lil wieħed mill-priġunieri involuti fiċ-ċella rispettiva tiegħu, dan dar għalih u beda jsawtu.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li f’mument minnhom dan il-priġunier saħansitra ħareġ xafra u ppontaha mal-Uffiċjal tal-Ħabs u beżaqlu.

Kien intervent immedjat minn kollegi Uffiċjali tal-Ħabs oħra li qabżu fuq il-priġunier-aggressur biex ma jissoktax isawwat lill-uffiċjal seħibhom.

It-Tmexxija tal-Ħabs bdiet tinvestiga mhux biss kif inqala’ dan l-inċident bejn il-priġunieri, imma anki kif dan il-priġunier partikulari kellu fil-pussess tiegħu din ix-xafra.

Kien hemm kliem ta’ tifħir għall-kollegi Uffiċjali tal-Ħabs li intervjenew mill-ewwel biex setgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Tags